Filmat: 19 oħra jfiqu; 2 każi ġodda tal-coronavirus

COVID-19 – Press Briefing 24-4-2020

COVID-19 – Press Briefing 24-4-2020

Posted by Covid19 Malta on Friday, April 24, 2020
  • 19-il persuna oħra jfiequ mill-virus
  • 2 oħra jinstabu pożittivi – carer li taħdem f’dar tal-anzjani u raġel li baqa’ jmur għax-xogħol
  • 60% tal-każi pożittivi tal-coronavirus huma rġiel
  • M’hemmx ħsieb li titneħħa l-Emerġenza tas-Saħħa Pubblika għalissa
  • Appell biex persuni li nstabu pożittivi għall-virus ma jiġux stigmatizzati

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci qalet li fiequ 19-il persuna ġdida mill-coronavirus, fosthom żewġt itfal. Intant qalet li wara 611 swab tests, instabu żewġ persuni pożittivi għall-coronavirus. B’hekk f’Malta nstabu 447 każ pożittiv f’Malta, b’60% minnhom huma rġiel u 40% huma nisa.

Il-każi pożittivi huma ta’ mara Maltija ta’ 60 sena li hija carer li taħdem f’dar tal-anzjani. Din inqabdet waqt screening li hemm għaddej minn sistema tal-lockdown. Qalet li hi ma kellhiex sintomi, iżda nstabet pożittiva qabel ma daħlet għax-xogħol.

Il-każ l-ieħor huwa ta’ raġel Malti ta’ 43 sena li kellu sintomi fit-23 ta’ Marzu. Hu jaħdem f’uffiċċju privat. Hu kien mar għax-xogħol bis-sintomi u ltaqa’ ma diversi kollegi tax-xogħol. Prof. Gauci fakkret fl-importanza li kull min għandu sintomi anke jekk mhux tal-coronavirus, għandu jibqa’ d-dar. Qed isir contact tracing tal-membri tal-familja, kif ukoll dawk li ġew f’kuntatt miegħu fuq il-post tax-xogħol.

It-total ta’ persuni li rkupraw mill-virus huwa ta’ 223 persuna. Dan ifisser li fil-pajjiż hawn total ta’ 221 każ attiv.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar il-kundizzjoni tal-pazjenta f’San Vinċenz de Paule li kienet instabet pożittiva, Prof. Gauci qalet li l-kundizzjoni kienet tajba ħafna. Qalet li l-kuntatti li kienu saru magħha ma kienx numru kbir għax hemm miżuri li jillimitaw il-kuntatt bejn il-pazjenti.

Mistoqsija wkoll dwar l-appelli ta’ social distancing f’każ fejn il-każijiet tal-virus qed jonqsu. Qalet li huma qed ikomplu l-kampanja tagħha biex tgħarraf il-pubbliku dwar is-social distancing u affarijiet oħrajn biex kemm jista’ jkun in-numri jinżammu baxxi.

Mistoqsija dwar maskli li qed jintalbu jilbsu maskli għal interventi u appuntamenti, Prof. Gauci qalet li meta persuna tilbes maskla persuna tkun qed tipproteġi milli jgħaddu l-virus lil ħaddieħor. Qalet li l-healthcare workers, fejn ikun hemm bżonn, huma jkunu lebsin il-PPEs.

Mistoqsija jekk hemmx indikazzjoni meta se titneħħa l-Emerġenza tas-Saħħa Pubblika fil-pajjiż, Prof. Gauci qalet li din bdiet propju mill-ewwel każ li feġġ fil-pajjiż. Qalet li n-numru ta’ każijiet issa qed jonqsu, imma d-dikjarazzjoni se tibqa’ hemm sakemm is-sitwazzjoni li l-virus jerġa’ jinfirex tibqa’ hemm ukoll.

Prof. Gauci qalet li huwa importanti li ħadd ma jistigmatizza lill-persuni li nstabu pożittivi għall-coronavirus.

Intant hi tkellmet ukoll dwar meta jkun hemm alert dwar xi ħadd li jkollu sintomi. Insistiet li dawn mill-ewwel għandhom jgħaddu għat-testing u m’hemmx perjodu ta’ stennija.

Prof. Gauci qalet li s’issa ħadd minn dawk li fiequ mill-virus ma reġgħu ħarġu pożittivi għall-virus.

Mistoqsija dwar kemm persuni f’Malta ġew ittestjati. Qalet li s’issa saru aktar minn 16,000 swab test u wħud minnhom kienu fuq l-istess persuni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn