Filmat: 15-il każ ġdid tal-coronavirus; 291 impjegat ta’ Mater Dei kwarantina

Read in English.

  • 1,670 swab test fi żmien 24 siegħa
  • Total ta’ 15-il każ ġdid matul il-jum tal-bieraħ
  • Bħalissa hawn total ta’ 113-il każ attiv
  • Fost il-persuni ġodda pożittivi għall-virus hemm żewġt itfal ta’ sentejn

Fl-aħħar 24 siegħa nstabu f’Malta total ta’ 15-il każ ġdid tal-coronavirus. Dan ħareġ minn infografika ppubblikata fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa propju ftit minuti qabel il-bidu tal-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum.

L-infografika turi li dawn il-każi ġodda nstabu wara total ta’ 1,670 swab test li saru matul il-jum tal-bieraħ u bil-lejl. Intant, fiqu total ta’ ħames persuni oħra. Dawn il-figuri jfissru li bħalissa f’Malta hawn total ta’ 113-il każ attiv tal-coronavirus.

OFFICIAL COVID-19 figures for 20•05•2020Chris Fearne | MaltaGov | Health Promotion and Disease Prevention Directorate | Covid19 Malta

Posted by saħħa on Wednesday, May 20, 2020

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci qalet li t-total ta’ persuni pożittivi minn meta tfaċċa l-virus fil-pajjiż kienu ta’ 584.

Prof. Gauci tkellmet dwar il-każi mit-Tnejn u lbieraħ. Hi qalet li kien hemm 26 każ ġdid fuq jumejn li minnhom kien hemm 10 li kellhom is-sintomi.

  • Fosthom żewġt itfal ta’ sentejn.
  • Student Malti ta’ 15-il sena.
  • Mara Maltija ta’ 22 sena li ma kinitx esposta għall-kollegi tagħha.
  • Malti ta’ 33 sena li kien qed jaħdem f’uffiċċju waħdu.
  • Għawdxi ta’ 56 sena li jaħdem bħala healthcare worker fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u qed isir contact tracing tal-pazjenti.
  • Mara Maltija ta’ 59 sena li ma taħdimx.
  • Raġel Malti ta’ 67 sena.
  • Malti ta’ 72 sena u qed isir contact tracing tal-familja.
  • Mara Maltija ta’ 82 sena residenti fi djar tal-anzjani din kellha qtugħ ta’ nifs u ddaħħlet l-Isptar.

Kien hemm ħames persuni li kienu kuntatti ta’ persuni li ħarġu pożittivi qabel.

  • Mara Maltija li hija healthcare worker f’ward fejn kien hemm numru ta’ każijiet. Hi kienu sarula t-testijiet u ħarġet negattiva imma aktar tard ħarġula s-sintomi u ħarġet pożittiva.
  • Raġel Malti ta’ 68 sena li kien pazjent f’sala fejn kien hemm numru ta’ każijiet. Hu kien fieq mill-kundizzjoni li kellu u mbagħad kellu bżonn jerġa’ jidħol l-isptar u minn hemm instab pożittiv.
  • Raġel Malti ta’ 30 sena li kien kuntatt ta’ każ ieħor pożittiv u kien diġà fuq kwarantina.
  • Każ ieħor hija Mara Indjana ta’ 27 sena li taħdem bħala healthcare worker fl-Isptar Karin Grech fejn instab pazjent pożittiv.
  • Raġel ta’ 35 sena li ma kellu l-ebda sintomi imma kien kuntatt ta’ persuna oħra fuq il-post tax-xogħol tiegħu.

Prof. Gauci spjegat li l-bqija tal-każi li nstabu kienu persuni li ma kienu qed juru l-ebda sintomi.

  • Mara mill-Pakistan ta’ 30 sena li tħadem bħala healthcare worker fl-Isptar Mater Dei. Hi nqabdet permezz ta’ screening ta’ rutina li qed isir minħabba li dawn ikunu fil-komunità.
  • Mara mill-Filippini ta’ 29 sena li hija healthcare worker fl-Isptar Mater Dei.
  • Mara Maltija ta’ 63 sena li daħlet l-Isptar Mater Dei għax kellha bżonn xi ħaġa oħra u nstabet pożittiva.
  • Maltija ta’ 24 sena li taħdem bħala healthcare worker f’Karin Grech.
  • Malti li kien l-aħħar xogħol fit-12 ta’ Mejju u ddeċieda li jagħmel it-test.
  • Raġel ta’ 27 sena Malti.
  • Raġel Malti ta’ 34 sena.
  • Żagħżugħ ta’ 19-il sena u ma kellu l-ebda sintomi. Hu mar l-emerġenza minħabba kundizzjoni oħra u nstab pożittiv.
  • Mara Filippina ta’ 27 sena. Hi taħdem f’retail outlet u kienet qed tilbes maskra u b’hekk naqqset ir-riskju lill-klijenti.
  • Care worker f’dar tal-anzjani li ħareġ pożittiv. Qed isir contact tracing tar-residenti u kollegi.
  • Malti ta’ 24 sena li ħareġ pożittiv.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Dwar it-tobba li qed joħorġu kontra l-pożizzjoni tal-Gvern, Prof. Gauci qalet li s-sitwazzjoni tal-każijiet qed jagħtuha ta’ kuljum. Spjegat li qabel kien hemm peak ta’ każijiet ġejjin minn barra. Qalet li hawn numru ta’ każijiet preżenti fil-komunità u li huma differenti. Qalet l-iktar ħaġa importanti hija li jkunu identifikati l-każijiet biex dawn jitpoġġew f’iżolazzjoni. Qalet li Malta hija waħda mill-aktar pajjiżi li għamlu testijiet per capita. Qalet li fil-bidu nett kien hemm pick up rate ikbar. Qalet li minkejja li qed naraw ħafna iktar każi, dan qed jiġri għax hemm ħafna aktar swab tests li qed isiru.

Dwar min qed jieħu ħsieb li fuq Tal-Linja qed jintlibsu l-maskri, Prof. Gauci qalet li huwa obblihu li wieħed jilbes il-maskra. Qalet li dan biex kulħadd jipproteġi lil xulxin. Qalet li l-obbligu jaqa’ fuq il-Pulizija u l-Environmental Health Inspectors. Qalet li x-xufier għandu l-obbligu li ma jtellax persuni fuq Tal-Linja jekk ma jkollhomx maskri.

Dwar familji differenti li joħorġu flimkien, Prof. Gauci qalet li l-virus jinfirex minn persuna għal oħra jekk ikunu f’distanza qrib xulxun ta’ żewġ metri. Qalet li l-kundizzjonijiet tal-ftuħ tar-restoranti huma li dawn ikunu fuq barra. Qalet li l-imwejjed minn ġenb għal ġenb, bejniethom irid ikun hemm żewġ metri. Minn wara, jrid ikun hemm distanza ta’ metru. Qalet li għamlu wkoll limitu ta’ sitt persuni fuq l-istess mejda. Qalet li jekk wieħed ħiereġ ma’ persuni barra l-familja jistgħu jkunu ma massimu ta’ sitta, imma jista’ jkollok gruppi akbar jekk dawn ikunu membri tal-istess familja li jgħixu fl-istess dar. Qalet li l-R-Factor issa qabeż il-1 u b’hekk ma nfetħux miżuri oħrajn bħall-iskejjel. Qalet li l-miżuri li ħadu huma dawk ta’ inqas riskju.

Dwar il-linjigwida li ħarġu għall-ħwienet tas-sbuħija, Prof. Gauci qalet li bil-miżuri li jdaħħlu bbażati fuq saħħa pubblika jridu jaraw li jkunu jistgħu jaħdmu flimkien. Qalet li huma qed jaraw li dawn il-persuni jkunu jistgħu jaħdmu dejjem ibbażat fuq prinċipji ta’ social distancing u ta’ protezzjoni.

Dwar kliniċi privati f’Malta li ħarġu fis-suq testijiet tad-demm li jindikaw jekk il-persuna qattx kellha l-coronavirus, Prof Gauci qalet lil Newsbook.com.mt li dan ma jistax jissostitwixxi lill-iswabs. Qalet li filwaqt li t-testijiet tad-demm jgħidlek jekk fil-passat kellekx il-coronavirus u l-immunità ta’ persuna għall-virus, l-iswab tests jgħidulek jekk fil-preżent inti tkunx infettat bil-virus.

Dwar il-healthcare workers li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei, hemm total ta’ 291 persuna fi kwarantina.

Mill-Ħadd s’issa, Prof. Gauci qalet li 15% minnhom kienu persuni li ma kellhom l-ebda sintomi.

Dwar ġenituri li jaħdmu bit-tfal, Prof. Gauci qalet li qabel it-tfal kienu jitħallew għand in-nanniet, imma qalet li issa dan ma jistax isir. Qalet li kemm jista’ jkun, fejn jistgħu, il-postijiet tax-xogħol jippermettu t-teleworking. Qalet li fejn ma jistax isir dan mela hemm miżuri oħrajn ta’ burden sharing. Spjegat li ċ-child care centres jaqgħu fl-istess livell tal-iskejjel. Qalet li qabel ma dawn ikollhom jinfetħu, trid issir ħidma biex l-iskejjel ikunu attrezzati għas-sitwazzjoni preżenti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn