Filmat: L-anzjan li kien fl-ITU se jintbagħat id-dar; 3 każi ġodda

Read in English.

  • Se jkun rilaxxat lejn daru l-anzjan ta’ 72 sena li kien l-ITU
  • Ħadd aktar ma fieq mill-virus fl-aħħar 24 siegħa
  • 3 każi oħra pożittivi; fosthom 2 healthcare workers
  • Bħalissa hawn 67 każ attiv tal-coronavirus fil-pajjiż

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci ħabbret li r-raġel ta’ 72 sena li kien fl-ITU fuq il-ventilator issa se jkun qed jintbagħat id-dar għax qaleb għall-aħjar. Qalet li l-pazjent irnexxielu jgħaddi minn din il-battalja u jkun tajjeb biżżejjed biex imur id-dar.

Prof. Gauci qalet li m’hemmx każi ġodda ta’ persuni li fiequ. Qalet li 1,241 swab test waslu għal tliet każi ġodda tal-coronavirus. B’hekk fil-pajjiż ħarġu total ta’ 506 każi pożittivi tal-coronavirus. Intant bħalissa hawn total ta’ 67 każ attiv fil-pajjiż.

It-tliet każijiet huma kuntatti ta’ każijiet preċedenti. Raġel Malti ta’ 58 sena li kien kuntatt mal-cluster ta’ omm u bint li ġew rappurtati lbieraħ. Hu nstab permezz ta’ contact tracing. Hu ma kellux sintomi. Hi appellat sabiex kull min jaf li kien espost għal persuni li nstabu pożittivi bil-każ, għandhom jaraw li jibqgħu d-dar sakemm isir contact tracing.

Intant, iż-żewġ każijit l-oħra huma relatati ma’ każ li ħareġ minn ward fl-Isptar Mater Dei. Hemm healthcare worker ta’ 54 sena li kien fil-kwarantina u li fil-11 ta’ Mejju kellu s-sintomi. Kien hemm healthcare worker oħra li żviluppawla s-sintomi fid-9 ta’ Mejju.

Prof. Gauci spjegat li bħalissa hemm tliet pazjenti li jinsabu fl-Isptar Boffa, tliet pazjenti fl-Isptar San Tumas, pazjent li se jkun rilaxxat mill-ITU u pazjent wieħed li jinsab f’kundizzjoni kritika fl-ITU.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Dwar l-użu tal-facemasks jew visors, Prof. Gauci qalet li jsir risk assessment ta’ fejn għandu jkun hemm bżonn l-użu tal-face masks.

Dwar pjan ta’ kif se jiġu rilaxxati l-miżuri, Prof. Gauci fakkret kif il-pajjiż qatt ma daħal f’full lockdown kif ġara x’pajjiżi oħrajn. Qalet li l-mod ta’ kif miexi l-pajjiż huwa li qed isir assessment tal-miżuri. Qalet li kif jgħaddu l-ġranet se jkun hemm aktar miżuri oħrajn rilaxxati.

Dwar l-immigranti li hemm fuq il-Captain Morgan, Prof. Gauci qalet lil Newsbook.com.mt li saru swab tests fuq dawn il-persuni u huma rriżultaw kollha negattivi. Intant qalet li l-persuni li hemm magħhom jilbsu l-PPEs biex ikunu protetti f’każ li jiżviluppa xi riskju.

Dwar is-social distancing, Prof. Gauci qalet li importanti li l-poplu jibqa’ jagħmel is-social distancing sakemm joħroġ il-vaċċin. Dwar l-iskola sajf, Prof. Gauci qalet li qed jaħdmu fuq pjan dwar kif jistgħu jerġgħu jibdew jiftħu l-iskejjel.

Dwar l-ivjaġġar lejn Gaħwdex u l-kiri tal-farmhouses, Prof. Gauci appellat biex il-pubbliku jagħmel dan biss mal-familja tiegħu. Qalet li l-pubbliku m’għandux jitla’ fi gruppi ma’ persuni li mhumiex parti mill-familja immedjata tagħhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn