Filmat: 3 każi ġodda; 7 oħra jfiqu

Aġġornat 02:06 PM

Read in English.

  • 3 każi ġodda tal-coronavirus f’Malta
  • 7 persuni oħrajn ifiqu
  • 77 każ attiv tal-coronavirus f’Malta
  • Fost il-każi l-ġodda hemm healthcare worker fl-Isptar Mater Dei ta’ 26 sena
  • Jekk tinqabad mhux liebes maskra fi ħwienet, fuq Tal-Linja jew fuq il-Gozo Channel tkun qed tikser il-liġi
  • Tfal taħt it-3 snin mhux obbligati jilbsu l-maskra
  • Xufiera fuq Tal-Linja jistgħu jħalluk l-art jekk ma tilbisx il-maskra

Coronavirus Malta 04.05.20

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, qalet li lbieraħ saru 731 swab test u minnhom ħarġu tliet każijiet ġodda pożittivi. B’hekk f’Malta ħarġu 480 każ pożittiv s’issa. Qalet li fiqu total ta’ seba’ każijiet oħrajn. B’hekk s’issa fiequ total ta’ 399. Qalet li b’hekk issa hawn 77 każ attiv.

Prof. Gauci qalet li t-tliet każijiet kienu persuni li kellhom is-sintomi u għamlu kuntatt ma’ 111. Raġel Malti ta’ 33 sena għamel it-test ilbieraħ u ħareġ pożittiv. Hu kellu kuntatt ma’ każ ieħor li rrapporta pożittiv il-ġimgħa l-oħra. Qal li każ ieħor relata mal-istess każ tal-ġimgħa l-oħra huwa ta’ mara ta’ 50 sena li fit-2 ta’ Mejju bdiet bis-sogħla. Qarib ta’ din il-mara kellu kuntatt tal-persuna li kien instab pożittiv.

It-tielet każ pożittiv huwa dak ta’ healthcare worker fl-Isptar Mater Dei li għandu 26 sena. Hu kien ħadem ġurnata qabel ma beda bis-sintomi. Sar risk assessment biex jinstab min seta’ kellu kuntatt miegħu xorta waħda.

Fost il-persuni li fiqu qalet li hemm żewġ persuni li għandhom aktar minn 60 sena.

Semmiet kif mil-lum ġew rilaxxati xi miżuri fejn issa l-pubbliku jista’ jibda jiltaqa’ fi gruppi ta’ erba’. Qalet li lbieraħ kien hemm gruppi kbar li ltaqgħu dan ma kellux jiġri. Hi appellat mill-ġdid sabiex nies vulnerabbli jibqgħu d-dar. Insistiet li ma jistax ikun hemm sitwazzjoni fejn ikun hemm ħafna persuni vulnerabbli li jkollhom bżonn l-għajnuna u jitħalla li jiġri kif ġara f’pajjiż oħrajn.

Tkellmet kif mil-lum ukoll daħlet fis-seħħ il-miżura tal-maskra obligatorja. Propju llum reġgħu fetħu diversi ħwienet kategorizzati bħala “mhux essenzjali”. Dan filwaqt li l-pubbliku li jidħol f’dawn il-ħwienet qed jintalab jilbes makri protettivi jew visors. Qalet li din it-talba biex jilbsu maskri u visors tapplika wkoll għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Dwar persuni li ma jurux sintomi meta jinstab li kienu pożittivi għall-virus, Prof. Gauci qalet li l-virus dejjem qed jitgħallmu dwaru u bdew jaqbdu din is-sitwazzjoni meta beda jsir random testing. Qalet li r-realtà hija li persuni mingħajr sintomi jistgħu jitrażmettu l-virus lil ħaddieħor. Qalet li huwa vera li jistgħu jifirxu l-virus inqas minn dawk li juru s-sintomi, imma hija wkoll realtà.

Dwar jekk hux se jkunu qed jiżdiedu l-multi, Prof. Gauci qalet li l-miżuri mhux qiegħdin hemm biex jitwaħħlu l-multi imma biex titħares is-saħħa pubblika.

Dwar nuqqas ta’ lbies ta’ maskri fi ħwienet illum, u jekk hux obbligatorju li wieħed jilbes maskra jew hix biss parir, Prof. Gauci qalet lil Newsbook.com.mt li l-ilbies ta’ maskri u visors huwa obbligatorju fuq Tal-Linja, fil-ħwienet u anke fuq il-Gozo Channel. Qalet li min jinqabad mhux liebes il-maskri, mela se jkun qed jikser il-liġi.

Għal mistoqsijiet oħrajn relatati mas-suġġett, Prof. Gauci qalet li -xufiera Tal-Linja għandhom dritt jirrifjutaw itellgħu persuna li ma tkunx liebsa maskra fuq Tal-Linja. Semmiet ukoll li t-tfal ta’ taħt it-tliet snin mhux obbligati li jilbsu l-maskra.

Dwar kif għandhom jintużaw il-maskri, Prof. Gauci qalet li wieħed għandu jaħsel idu qabel ma jilbes il-maskra. Għandu jara li din tgħatti l-parti tal-imnieħer, il-ħalq u l-geddum. Qalet li importanti li waqt li wieħed ikun liebes il-maskra, ma joqgħodx imiss il-maskra. Meta wieħed jiġi biex ineħħiha, mela għandu jara li ma jaqbadx il-maskra minn wara. Qalet ukoll li wieħed għandu immedjatament jarmi l-maskra f’dustbin, jekk din tkun disposable. Qalet li jekk ma jkunx hemm dustbin viċin, mela għandha titpoġġa f’borża tal-plastik.

Dwar persuni li ma baqgħux jgħixu f’darhom biex jipproteġu lil dawk li huma vulnerabbli li jgħixu magħhom, Prof. Gauci appellat biex ħadd ma jmur lura fi djar ma’ persuni f’vulnerabbli hekk kif dawn għadhom f’riskju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn