Appell lill-anzjani biex ma joħorġux; petizzjoni u miżuri ġodda

Aġġornat 10:36 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

22:14 Membru tal-familja tar-raġel Malti li dalgħodu rriżulta pożittiv għall-coronavirus, ġiet ukoll ikkonfermata li għandha l-COVID-19.

22:01 Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ordna biex jagħlqu l-ħwienet, bars, pubs u ristoranti.

21:35 Petizzjoni biex jingħalqu l-iskejjel u l-Università.

21:21 Il-kunvent tal-patrijiet ta’ Santa Tereża li jinsab f’Bormla se jagħlaq biex jagħmel perjodu fi kwarantina.

20:57 Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ talab li jingħalqu l-iskejjel kolha u jitwaqqfu l-lezzjonijiet f’istituzzjonijiet postsekondarji u terzjarji inkluż fl-Università ta’ Malta. Il-Kunsill mistenni jiltaqa’ mal-Ministru Owen Bonnici għada.

20:30 Il-Ministeru għall-Familja flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva taw il-parir u ħeġġew lill-anzjani u lil persuni vulnerabbli oħra sabiex ma joħorġux mid-djar tagħhom jekk mhux verament għall-bżonn.

20:17 Pospost il-Festival Internazzjonali tan-Nar.

20:10 Tħassru l-avvenimenti kollha li kienu se jsiru dan ix-xahar fit-Teatru Manoel. Fi stqarrija ntqal li dan qed isir biex ikun evitat it-tixrid tal-virus.

19:22 Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li għalissa m’hemmx lok li jingħalqu l-iskejjel. Żied jgħid li dwar il-possibilità ta’ tagħlim online se jkun qed jiddiskuti mal-unjins, li min-naħa tagħhom irid ikun hemm direzzjoni.

19:04 Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jżuru lit-tobba f’Mater Dei.

18:25 L-Air Malta ssospendiet it-titjiriet kollha bejn Malta u Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Iżvizzera. Ħarġet dawn l-avviżi:

  • Il-Maltin li qegħdin f’wieħed minn dawn il-pajjiżi jridu jikkuntattjaw lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fuq 22042200 jew b’email fuq sitcen.mfea@gov.mt biex il-Ministeru jħejjilhom titjira lura.
  • Dawk li mhumiex Maltin iridu jikkuntattjaw lill-ambaxxata tagħhom.
  • Klijenti li għandhom dubju fuq il-vjaġġ tagħhom mal-Air Malta din il-ġimgħa jistgħu jċemplu fuq 25991230, u dawk li se jsiefru wara din il-ġimgħa jistgħu jibagħtu email fuq refundrequest@airmalta.com.

18:18 Fir-Renju Unit qegħdin jagħmlu petizzjoni sabiex jingħalqu l-iskejjel. S’issa nġabru 250,000 firma.

18:10 Steward Malta ħabbret li minn għada, mhux se jitħallew viżitaturi fis-swali tal-in-patient fl-Isptar Karin Grech u fir-residenzi tal-anzjani, Residenza Sant’Anna u fis-Sala Ġerjatrika fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Appuntamenti fiż-żewġ sptarijiet se jiġu posposti.

In the interest of safeguarding our vulnerable patient cohorts at Karin Grech Hospital and the elderly Residences at…

Posted by Steward Health Care Malta on Wednesday, March 11, 2020

18:03 UMASA ħarġet stqarrija li fiha qalet li talbet uffiċjalment sabiex il-lekċers fl-Università jitħassru sa tmiem il-vaganzi tal-Għid.

17:54 L-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba qiegħed jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza l-iskarsezza attwali u ż-żieda fil-prezzijiet għal sanitizzaturi tal-idejn, maskri, ingwanti u tagħmir protettiv ieħor minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija, Alex Agius Saliba qal li talab lill-Kummissjoni biex tinvestiga u tindirizza din is-sitwazzjoni urġenti u biex tikkjarifika liema miżuri straordinarji se tieħu biex tassigura li ċ-ċittadini Ewropej isibu dawn il-prodotti disponibbli fuq is-suq u bi prezzijiet affordabbli.

17:36 Il-WHO tiddikjara l-coronavirus bħala pandemija.

17:33 L-MEP Roberta Metsola qalet li jeħtieġ li jkun hemm reazzjoni Ewropea għall-coronavirus.

Il-coronavirus qed tħalli impatt fuq kulħadd, kullimkien. Jeħtieġ reazzjoni Ewropea kkoordinata biex niżguraw li:1….

Posted by Roberta Metsola on Wednesday, March 11, 2020

17:27 Bħalissa għaddejja konferenza stampa mill-UPE b’rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-Gvern.

17:15 Ftit punti minn madwar id-dinja:

  • L-ewwel mewt bil-coronavirus fl-Iżvezja, fl-Irlanda u fil-Bulgarija
  • L-Ukrajna tagħlaq l-iskejjel u tipprojbixxi avvenimenti tal-massa
  • L-Ungerija ddikjarat stat ta’ emerġenza
  • Mietu żewġ persuni oħra l-Belġju
  • Fir-Renju Unit żdiedu 83 każ f’24 siegħa

17:05 “M’hemmx bżonn jingħalqu l-iskejjel” – Il-Ministru

Il-Ministru Owen Bonnici qal fil-Parlament li m’hemmx il-ħtieġa li jingħalqu l-iskejjel f’dan l-istadju.

16:58 Il-maltempata perfetta tal-FELTOM

Il-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tat-Tagħlim tal-Ingliż f’Malta qed tiddeskrivi s-sitwazzjoni kurrenti bħala “maltempata perfetta.” Spjegat li s-settur tagħhom kien l-ewwel li beda jħoss l-effetti tal-coronavirus, hekk kif ġie kkonfermat minn stħarriġ li għamlet il-kumpanija Deloitte.

Il-FELTOM stqarret li r-riżultati huma inkwetanti peress li l-4,000 student li ħassru l-korsijiet tagħhom se jfissru telf finanzjarju ta’ €1.4 miljun għall-iskejjel tal-FELTOM u tnaqqis ta’ €3.4 miljun għall-ekonomija lokali.

16:54 L-Isqof t’Għawdex Mario Grech jinsab fi kwarantina peress li għadu kemm ġie lura mill-Italja. Huwa rrakkonta l-esperjenza tiegħu ma’ Newsbook.com.mt.

16:37 Il-Partit Nazzjonalista kkummenta fuq it-talba tal-MUT għal laqgħa urġenti mal-Prim Ministru biex jingħalqu l-iskejjel. Il-kelliem tal-Oppożizzjoni fuq l-edukazzjoni Clyde Puli qal illi t-talba tal-MUT turi kemm il-Gvern ma kienx preparat għall-virus.

16:28 Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern, intqal li s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat kellu laqgħa ma’ Identity Malta u kollox reġa’ lura għan-normal, wara li dawn strajkjaw dalgħodu.

16:11 X’qed jirrakkomanda l-Partit Nazzjonalista?

  • Il-Partit Nazzjonalista rrakkomanda lill-awtoritajiet biex jibdew proċess ta’ diżinfettazzjoni f’postijiet pubbliċi u turistiċi.
  • Ippropona wkoll li l-Gvern jissospendi l-miżuri tal-VAT għan-negozji u SMEs temporanjament, sabiex jonqos l-impatt negattiv li qed ikollhom minħabba l-Covid-19.

16:07 Bħala prekawzjoni, l-Assoċjazzjoni tal-Epilessija tal-Caritas ħabbret li l-Konferenza Nazzjonali dwar l-Epilessija li kellha ssir nhar is-Sibt 14 ta’ Marzu ġiet posposta għal data oħra li tkun imħabbra iktar tard.  

15:48 L-MUMN tgħid li pazjenti li jkunu qegħdin jistennew ir-riżultat tat-test tal-coronavirus qed jitpoġġew ma’ pazjenti oħrajn fis-swali

Dan peress li infermiera ma jkunux jafu li l-pazjenti qed jistennew ir-riżultati.

15:18 L-MUT trid tiddiskuti l-għeluq tal-iskejjel

Wara l-miżuri li ttieħdu, l-MUT qiegħda titlob laqgħa urġenti mal-Prim Ministru Robert Abela sabiex jingħalqu l-iskejjel.

15:05 Jitwaqqfu l-vjaġġi minn u lejn Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Iżvizzera

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-vjaġġi kollha minn u bejn Malta u Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Iżvizzera se jitwaqqfu minn nofsillejl ‘il quddiem.

Dawk li jiġu minn dawn il-pajjiżi jridu jagħmlu kwarantina f’darhom b’mod obbligatorju. Min ma jsegwix din l-ordni jeħel multa ta’ €1,000.

14:42 F’aħbar li għadha kemm daħlitilna, jidher li titjira tar-Ryanair ġejja minn Edinburgh fl-Iskozja ttardjat b’sagħtejn. Abbord kien hemm żewġ persuni li kellhom bżonn assistenza medika.

Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kelliem għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kkonfermaw dan ma’ Newsbook.com.mt.

14:40 Minn ħin għall-ieħor mistennija tibda l-konferenza stampa. Newsbook.com.mt se jxandarha live.

13:55 Tħabbret konferenza stampa indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Din se ssir fis-2.30pm f’Kastilja.

Il-Prim Ministru ħassar laqgħa li kellu mal-Kamra tal-Periti biex issir din il-konferenza stampa.

13:53 Ikompli l-paniku fl-iskejjel

Għadd ta’ ġenituri qed jiġbru lil uliedhom mill-iskejjel minħabba l-biża’ mill-coronavirus. Kelliem għall-MUT qal lil Newsbook.com.mt: “Sfortunatament bħalissa diversi skejjel għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli u mhux tas-soltu minħabba ċ-ċirkustanzi preżenti tal-COVID-19. L-MUT tappella biex inkomplu nimxu mad-direzzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa filwaqt li l-edukaturi jkomplu jimxu mad-direttivi tal-MUT.”

13:45 Direttiva għall-avukati biex il-klijenti ma jattendux għas-seduti

Il-Kamra tal-Avukati ħarġet direttiva biex l-avukati jinfurmaw lill-klijenti tagħhom li m’għandhomx jattendu għas-seduti fil-qorti f’kawżi ċivili. Dan qed isir bi qbil mal-ġudikanti.

Il-Kamra qalet li dwar il-kawżi kriminali għaddejjin id-diskussjonijiet, peress li dawn jattiraw ħafna nies, biex kemm jista’ jkun jiġu diferiti, iżda għad m’hemmx deċiżjoni definittiva fuq dan.

13:44 L-attività li kellu ppjanat l-istabbiliment Ryan’s Pub f’Paceville għal Jum San Patrizju tħassret, wara li bosta kkritikaw lill-istabbiliment online talli xorta kien se jagħmel il-party.

13:42 Il-UPE – Voice of the Workers sejħet konferenza stampa urġenti fil-5.15pm fuq it-tħassib tal-coronavirus fl-iskejjel. Għandha tgħaddi xi rakkomandazzjonijiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni.

13:40 L-MUT qalet li nnutat li xi uffiċjali li għandhom responsabbiltajiet kemm fl-iskejjel, fid-Dipartiment u fil-Ministeru, mhumiex qegħdin jirrispettaw id-direttivi maħruġa mill-MUT li huma intiżi biex jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi u l-istudenti fl-iskejjel. Għaldaqstant l-MUT avżat li b’effett immedjat se tieħu l-passi kollha neċessarji inkluż dawk legali kontra kull individwu imsemmi.

13:20 Kien hemm spekulazzjoni li ż-żjara tal-Papa f’Malta fi tmiem Mejju se titħassar. Newsbook.com.mt kiseb konferma mill-Kurja li din għadha se ssir.

12:35 Il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, Dr Michael Spagnol, qal li l-avviżi fuq din is-sitwazzjoni għandhom isiru bit-tliet lingwi uffiċjali: il-Malti, l-Ingliż, u l-lingwa tas-sinjali bil-Malti.

12:14 Liema pajjiżi ntlaqtu l-agħar fl-Ewropa?

  • L-Italja: iżjed minn 10,000 persuna infettati, mietu 631 persuna
  • Franza: 1,784 każ, 33 mejta
  • Spanja: 1,689 każ, 36 mejta
  • Il-Ġermanja: 1,200 każ, 2 mejta
  • L-Iżvizzera: 476 każ, 3 mejta
  • Ir-Renju Unit: 382 każ; 6 mejta
  • L-Olanda: 382 każ; 4 mejta
  • Il-Belġju: 267 każ; persuna mejta

12:10 Ritratti ppubblikati minn Reuters juru s-sitwazzjoni ta’ diqa fit-toroq Taljani.

12:02 L-aħħar aħbarijiet minn madwar l-Ewropa

  • Fil-Polonja se jingħalqu l-iskejjel u l-universitajiet minn nhar it-Tnejn li ġej. It-teatri, ċinemas u mużewijiet ukoll se jibqgħu magħluqin. Hemm 26 każ tal-coronavirus fil-pajjiż.
  • Il-Moldova wkoll għalqet l-iskejjel tagħha.
  • Mietet it-tmien persuna Ingliża bil-coronavirus f’Bali; mara ta’ 53 sena.
  • Jitħassar il-festival Las Fallas fi Spanja
  • Il-Kanċillier Angela Merkel qalet li sa 70% tal-Ġermanja jaf tkun infettata bil-virus

11:56 Daniel Cilia huwa wieħed mill-Maltin imwaħħal fl-Italja. Aqra dwar l-esperjenza tiegħu u fiex tfakkru hawn.

11:40 HSBC b’miżuri għan-negozji milqutin

Il-bank HSBC ħabbar li introduċa għadd ta’ miżuri biex jappoġġja lin-negozji f’dan iż-żmien ekonomiku diffiċli. Dawn il-miżuri qed jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat.

Dawn jinkludu: capital repayment holidays; mhux se jkun hemm miżata għal working capital funding temporanju fuq żmien qasir; ipproċessar aktar mgħaġġel fil-ħruġ ta’ shipping guarantees u eżenzjoni minn ħlasijiet għall-proċessar urġenti; kif ukoll eżenzjoni minn ħlasijiet għal emendi fuq Ittri ta’ Kreditu milqutin minn dewmien.

11:37 Il-Qormi Music Festival organizzat mill-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri ġie pospost minħabba l-coronavirus, peress li kellhom jieħdu sehem fih artisti barranin. Dan kellu jsir fit-23 ta’ Mejju.

11:28 “M’għandniex biżżejjed riżorsi” – anestetisti

L-Assoċjazzjoni tal-Anestetisti f’Malta ħarġet stqarrija li fiha qalet li filwaqt li huma preparati f’każ li jkun hemm pazjenti fli jridu jittieħdu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva minħabba l-coronavirus u anke jsirulhom xi operazzjonijiet, ma jaħsbux li hemm riżorsi biżżejjed jekk ikun hemm ħafna pazjenti f’daqqa, bħalma ġara fl-Italja.

L-Assoċjazzjoni appoġġjat l-appell tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) biex in-nies ma jsifrux bla bżonn, u biex ikun hemm kwarantina obbligatorja għal dawk ġejjin minn barra.

11:14 “M’aħniex preparati għall-coronavirus” – Alfred Sant

Fi stqarrija lill-Parlament Ewropew, l-eks Prim Ministru Alfred Sant innota li l-Ewropa mhix preparata għall-coronavirus, u lanqas il-bqija tad-dinja. Staqsa, “Ir-riċerka medika tista’ titfassal biex tlaħħaq mal-pass mgħaġġel tal-coronavirus?”

Waqt plenarja fuq il-coronavirus, Sant qal lill-Parlament Ewropew li lil hinn mill-espressjonijiet ta’ solidarjetà ma’ xulxin dwar l-epidemija tal-coronavirus, għandna nkunu ċari dwar l-implikazzjonijiet għaċ-ċittadini ordinarji, inklużi dawk li mhumiex affettwati mill-coronavirus, ta’ dak li ilu jiġri.

11:09 X’ħareġ mill-konferenza stampa?

  • Is-sitt pazjent bil-coronavirus huwa tabib fl-Isptar Mater Dei
  • Għamel il-kwarantina mill-ewwel meta ġie mill-Italja u ma marx xogħol
  • Ibnu kien miegħu l-Italja; ma marx skola u għadu ma weriex sintomi
  • Familtu ta’ erba’ persuni kollha qegħdin kwarantina

Waqt il-konferenza kien hemm traduttriċi għal-lingwa tas-sinjali bil-Malti, kwistjoni li saħqet dwarha l-MEP Roberta Metsola lbieraħ.

10:45 Segwu l-konferenza stampa LIVE

10:34 Minn ħin għall-ieħor, mistennija tibda konferenza stampa dwar il-coronavirus f’Malta wara li ftit tal-ħin ilu tħabbar is-sitt każ, li huwa l-ewwel pazjent Malti.

10:29 Il-Membru Parlamentari Ingliża Rachael Maskell qiegħda kwarantina, peress li kellha laqgħa mal-Ministru għas-Saħħa Nadine Dorries, li għandha l-coronavirus.

10:15 L-ewwel mewta fil-Belġju bil-coronavirus

Persuna ta’ 90 sena mietet bil-coronavirus fil-Belġju.

09:59 Mhu se jinħareġ l-ebda permess għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum San Patrizju

Il-Kunsill Lokali San Ġiljan qal li mhu se jiġi aċċettat l-ebda permess għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Patrizju nhar it-Tlieta li ġej. Dan wara li l-Prim Ministru Robert Abela ilbieraħ qal li attivitajiet tal-massa li jkollhom aktar minn 2,000 ruħ m’għandhomx isiru.

Minkejja dan, l-istabbiliment ewlieni f’Paceville Ryan’s Pub ħabbar li l-party se jsir ġewwa, b’limitu ta’ 500 persuna.

09:53 Jitħabbar is-sitt każ tal-coronavirus f’Malta, l-ewwel raġel Malti. Jinsab f’kundizzjoni tajba. Kien btala fit-Tramuntana tal-Italja fil-jiem li għaddew.

09:48 Fl-10.30am id-Dipartiment tas-Saħħa se jagħmel konferenza stampa dwar l-aħħar aġġornamenti fuq il-coronavirus f’Malta.

09:36 Ilbieraħ, il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola qalet li huwa inaċċettabbli li l-konferenza stampa tal-Prim Ministru Robert Abela saret mingħajr ma kien hemm servizz tal-lingwa tas-sinjali.

09:32 “M’hemmx biżżejjed hand sanitisers fl-iskejjel” – MUT

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) qalet li m’hemmx hand sanitisers fil-klassijiet kollha, minkejja dak li qed jgħid il-Ministeru għall-Edukazzjoni. Il-membri tagħha qed iħossuhom insulentati li l-Ministeru qed jgħid li kull klassi għandha hand sanitiser. Jidher li l-Ministeru provda biss 20 sanitiser għal kull skola, u dawn kienu fliexken żgħar.

L-MUT qalet lil Newsbook.com.mt li s-sanitisers f’ħafna skejjel huma tal-160 millilitru, u mhux tal-500 millilitru, kif deher f’ritratt imxerred mill-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici.

Is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni wieġeb lill-MUT billi qalilha li l-hand sanitisers huma skarsi, u l-Ministeru rnexxielu jakkwista 2,300 flixkun biex jitqassam wieħed f’kull klassi. Il-Ministeru talab lill-prinċipali tal-kulleġġi biex jixtru iktar huma.

Bongu hbieb,Il-gimgha li ghaddiet tqassmu 2,300 sanitzers fl-iskejjel statali biex b'hekk kull klassi hija mghammra b'…

Posted by Owen Bonnici on Tuesday, March 10, 2020

09:30 Il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant qal li l-coronavirus huwa agħar milli ġie maħsub fil-bidu. Żied jgħid li m’hemmx lok għat-traskuraġni.

09:25 Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li sab sapport kbir mingħand il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea. Il-ġurnal BBC irrapporta li Conte ma eskludiex li r-regoli ta’ kwarantina jsiru iżjed stretti għar-reġjun ta’ Lombardija.

09:18 Il-Ministri Ingliżi jaf jiġu ttestjati

Il-Ministri Ingliżi jaf jiġu ttestjati għall-coronavirus, wara li l-Ministru għas-Saħħa Nadine Dorries ġiet ikkonfermata li għandha l-virus.

Il-ġimgħa li għaddiet, hija attendiet attività għall-Jum Internazzjonali tal-Mara fejn kien hemm ħafna mill-Gvern Ingliż, fosthom il-Prim Ministru Boris Johnson.

08:59 Il-Ġermanja tirrifjuta li tagħlaq il-fruntieri

Il-Ministru għas-Saħħa Ġermaniż Jens Spahn qed jirrifjuta appelli biex jagħlaq il-fruntieri sabiex ma jiġux aċċettati nies ġejjin mill-Italja.

Fuq stazzjon tar-radju Ġermaniż qal, “Il-virus qiegħed fil-Ġermanja, qiegħed fl-Ewropa. Irridu nidrawh dan il-fatt. Se jinfirex anke jekk jingħalqu l-fruntieri kollha. Illum jew għada rridu nħallu lin-nies jgħaddu u mbagħad se jerġa’ jibda jinfirex.”

REUTERS/Fabrizio Bensch

08:52 L-istatistika s’issa

  • 119,000 każ tal-coronavirus madwar id-dinja; 4,296 persuna mietu
  • Iżjed minn 55% tal-pazjenti bil-coronavirus fiequ

08:37 X’inhu jiġri barra minn Malta?

  • L-Italja rat l-ikbar numru ta’ mwiet b’168 mewta f’24 siegħa
  • Logħba tal-Premier League bejn l-Arsenal u l-Manchester City ġiet posposta wara li għadd ta’ plejers tal-Arsenal bdew jagħmlu kwarantina
  • Michigan u Massachussetts iddikjaraw stat ta’ emerġenza, issa li l-każijiet tal-coronavirus fl-Istati Uniti qabżu l-1,000
  • Iċ-Ċina rrappurtat 24 każ ġdid biss, u 22 mewta madwar il-pajjiż; b’hekk in-numri jidher li niżlu sew, anke f’Wuhan
  • Il-kwarantina fil-provinċja Hubei, fejn oriġina l-virus, tneħħiet f’xi każijiet u ħafna ngħataw permess imorru lura għax-xogħol
  • L-Awstralja mhix tippermetti li jidħlu nies ġejjin mill-Italja
  • Tliet membri tat-tim tal-Formula One f’Melbourne qegħdin jagħmlu kwarantina waqt li jistennew ir-riżultati tat-testijiet tal-coronavirus
  • 242 każ ġdid fil-Korea t’Isfel
  • Pajjiżi li ntlaqtu mill-ewwel każ tal-coronavirus huma l-Bolivja, il-Kongo, Jamaica u t-Turkija

08:25 L-Università bagħtet avviż aġġornat wara dak maħruġ ilbieraħ li fih qalet li l-istudenti xorta huma mistennija jattendu għal-lekċers.

Fl-avviż tal-bieraħ tħabbar li kull attività li tinvolvi lil xi ħadd barrani se titħassar. Xi dipartimenti diġà bdew iħassru seminars jew taħditiet li ppjanaw.

Il-ġimgħa d-dieħla kellu jiġi fostna Lameen Souag, il-mistieden tad-Dipartiment għal din is-sena. B'xorti ħażina,…

Posted by Dipartiment tal-Malti, L-Università ta' Malta on Tuesday, March 10, 2020

08:24 Sorsi ta’ Newsbook.com.mt ikkonfermaw li l-ħaddiema ta’ Identity Malta fl-Imsida ħarġu barra għaliex qegħdin jirrifjutaw li jagħtu permess ta’ residenza lill-barranin.

08:12 Il-BOV u l-HSBC se jipprovdu sapport għas-settur tat-turiżmu fil-ħlas tad-djun

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) iltaqgħet mal-BOV u mal-HSBC sabiex titlobhom iġeddu moratorju għall-ħlas tad-djun fis-settur tat-turiżmu, minħabba l-impatt li kellu l-coronavirus. Iltaqgħet ukoll mal-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli.

Se tingħata iżjed informazzjoni fuq dan fis-seminar BOV Deloitte MHRA Q4 2019 Hotel Performance Review fit-13 ta’ Marzu.

08:04 Il-Ministru għas-Saħħa Ingliża Nadine Dorries qalet li hija infettata bil-coronavirus.

08:03 Fl-Italja t-total ta’ persuni mejtin bil-coronavirus huwa 631.

07:59 L-Unjoni Ewropea allokat €25 biljun biex tgħin lil dawk l-ekonomiji milquta l-agħar mill-coronavirus.

07:53 S’issa f’Malta għandna ħames każijiet tal-coronavirus: tifla u l-ġenituri tagħha, kif ukoll missier u bintu. Dawn kollha żaru l-Italja riċentament.

07:50 L-għodwa t-tajba. Nilqgħukom għal dan il-blogg li fih se nkunu qegħdin nagħtu l-aħħar aġġornamenti fuq il-coronavirus, kemm f’Malta, kif ukoll barra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn

Rappurtaġġ addizzjonali: Sarah Cassar Dymond