2 konsorzji u 2 kumpaniji interessati fil-mina bejn Malta u Għawdex

Read in English.

Illum tħabbar li hemm erba’ offerenti għall-mina bejn Malta u Għawdex, magħmula minn żewġ konsorzji u żewġ kumpaniji minn diversi pajjiżi differenti, inkluż Malta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjegaw li llum għalqet is-sejħa għall-parteċipazzjoni fi pre-qualification questionnaire (PQQ) li ħarġet Infrastructure Malta f’Jannar ta’ din is-sena.

Il-Ministru Ian Borg qal iddeksriva din l-aħbar bħala pass ieħor ’il quddiem favur aktar konnettività, infrastruttura ta’ kwalità għal kulħadd u faċilitajiet ġodda għall-poplu, b’mod speċjali dawk li jgħixu Għawdex. Intant, il-Ministru Camilleri stqarr li l-interess tal-konsorzji internazzjonali fil-proġett jimla lill-Gvern b’kuraġġ biex ikompli jwettaq dik li għal ħafna Għawdxin kienet biss ħolma.

Camilleri qal li l-link permanenti se tfisser li “l-Għawdxin iħossuhom aktar ottimisti biex ikunu jistgħu jilħqu kwalunkwe opportunità bħal kull ċittadin ieħor Malti.”

Il-mina bejn Malta u Għawdex mistennija tkun twila 14-il kilometru u se tkun parzjalment taħt l-ilma, b’korsija waħda f’kull direzzjoni u oħra fin-nofs għal każijiet ta’ emerġenza. Wara l-evalwazzjoni ta’ dan il-kwestjonarju, tibda d-diskussjoni dwar il-pjanti u l-pjanijiet għall-implimentazzjoni tal-proġett mill-offerenti magħżula.