Filmat: 11-il każ ġdid; total ta’ 64

Covid-19 – Press Briefing 20-3-2020

Covid-19 – Press Briefing 20-3-2020

Posted by Health Promotion and Disease Prevention Directorate on Friday, March 20, 2020

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li Malta rreġistrat 11-il każ ġdid f’Malta. B’hekk it-total tela’ għal 64 każ.

Il-Punti ewlenin:

  • L-ewwel każ f’Għawdex: raġel ta’ 69 sena, ma kienx imsiefer
  • L-ewwel każ li żviluppa kumplikazzjonijiet: raġel ta’ 61 sena
  • 2 healthcare workers oħra jinstabu pożittivi għall-COVID-19
  • S’issa saru 2,236 swabs: 1,389 fuq nies sintomatiċi
  • Appell imqanqal biex min għandu sintomi ħfief jibqa’ d-dar u biex familji ma jiltaqgħux u ma jkunux qrib xulxin

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li s’issa saru 2,236 swabs. Minnhom 1,389 saru fuq nies sintomatiċi. Kien hemm 847 swabs li saru bħala parti mit-testijiet li qed isiru fl-Isptar Mater Dei (sentinel surveillance)

Fost il-każi l-ġodda hemm raġel ta’ 61 sena li żviluppawlu kumplikazzjonijiet ta’ pneumonia. Ir-raġel mhux qiegħed fl-ITU.

Hi tat l-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus f’Malta f’konferenza tal-aħbarijiet li bdiet għan-12pm. Appellat lil dawk in-nies li jkollhom sintomi ħfief biex jibqgħu d-dar. Gauci appellat lill-pubbliku biex:

Segwu l-istruzzjonijiet li joħorġu l-awtoritajiet. Huwa perikoluż li familji jiltaqgħu ma’ xulxin u jkunu fil-qrib ta’ xulxin. Kemm jista’ jkun in-nies m’għandhomx imorru f’postijiet fejn ikun hemm ħafna nies oħra.

Prof. Gauci qalet li mat-80% tal-każijiet tal-COVID-19 ma jkollhomx bżonn kura l-isptar. Qalet li l-anzjani li kollhom aktar minn 80 sena għandhom riskju ta’ 25% li jkollhom kumplikazzjonijiet.

Liema huma l-każi l-ġodda?

  • Raġel ta’ 61 sena li beda bis-sintomi fit-13 ta’ Marzu. Dan kellu deni, sogħla u qtugħ tan-nifs. Is-sintomi baqgħu jipprogressaw u lbieraħ iddaħħal l-Isptar Mater Dei. Qiegħed jinżamm fl-Infectious Diseases Unit (IDU) u qed jingħata l-ossiġnu. Għandu bilateral pneumonia – kumplikazzjoni fil-pulmun tiegħu. Prof. Charmaine Gauci qalet li dan huwa l-ewwel każ b’kumplikazzjonijiet f’Malta. Madanakollu, mhuwiex f’qagħda kritika. Saru wkoll testijiet fuq is-sieħba tiegħu ta’ 45 sena li wkoll kellha xi sintomi. Madanakollu, din il-persuna m’għandhiex bżonn kura għalkemm ittestjat pożittiv għall-COVID-19. Dawn iż-żewġ persuni seta’ kellhom kuntatt ma’ persuni li kienu msefrin.
  • Raġel ta’ 69 sena minn Għawdex li ma kienx imsiefer. Beda bis-sintomi fis-16 ta’ Marzu.
  • Malti li siefer lejn it-Tramuntana tal-Italja u kellu s-sintomi fl-14 ta’ Marzu.
  • Maltija ta’ 45 sena li siefret lejn il-Brażil. Ġiet lura għall-15 ta’ Marzu. Qed isir contact tracing tal-persuni li kienu fil-qrib tagħha fuq l-ajruplan.
  • Healthcare worker Maltija li taħdem fil-privat. Hi għandha 49 sena. Fis-17 ta’ Marzu żviluppat sintomi ta’ deni, uġigħ ta’ ras, u wġigħ tal-muskoli. Dan kien każ ta’ trażmissjoni lokali.
  • Maltija ta’ 71 sena. Is-sieħeb tagħha kien irriżulta pożittiv għall-virus. Jidher li dawn iż-żewġ persuni kellhom kuntatt fil-qrib mat-turisti.
  • Healthcare worker ta’ 36 sena li kellha kuntatt ma’ healthcare worker ieħor li kien pożittiv. Hi kienet fi kwarantina mill-14 ta’ Marzu.
  • Persuna oħra ta’ 54 sena li marret Madrid bejn is-7 u s-17 ta’ Marzu. Fis-17 ta’ Marzu kellha sintomi ta’ sogħla. Din il-persuna marret fi kwarantina malli ġiet lura Malta.
  • Raġel Indjan li jgħix u jaħdem Malta. Dan kien relatat ma’ cluster ta’ erba’ persuni.

Ħarġet ukoll pożittiva għall-virus l-omm tat-tifel ta’ tliet snin li huwa l-iżgħar pazjent f’Malta tal-COVID-19.

Fil-ġlieda ta’ Malta kontra l-coronavirus, hemm erba’ pilastri, qal il-Gvern.

Il-pilastri huma:

  • Li jsiru aktar testijiet fuq in-nies biex titrażżan il-firxa tal-virus;
  • Tisħiħ tal-faċilitajiet f’Mater Dei fejn issa nfetaħ laboratorju ieħor biex ilaħħaq maż-żieda fit-testijiet;
  • Aktar sodod u swali tal-ITU biex jilqgħu għall-eventwalità ta’ żieda fil-każijiet mistennija tal-coronavirus;
  • Ħarsien tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa bi lbies protettiv u b’aktar taħriġ.

Ilbieraħ il-President għadda l-ewwel messaġġ tiegħu lin-nazzjon li fih ukoll wera determinazzjoni. Il-President George Vella appella għall-għaqal u t-tama, u fakkar li bl-għaqda l-poplu dejjem għelbet is-saram. Huwa ħeġġeġ biex kulħadd ikun responsabbli u biex bla eċċezzjoni jitħarsu d-direttivi tal-awtoritajiet politiċi u tas-saħħa għall-ġid tal-poplu kollu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn