Filmat: 8 każi ġodda; 15 oħra jfiqu

Aġġornat 03:27 PM

Read in English.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci qalet li lbieraħ saru aktar testijiet bit-total ta’ 1,072 swab test. Minnhom ħarġu tmien każijiet pożittivi. B’hekk fil-pajjiż hawn 458 każ pożittiv. Intant, 17-il persuna oħra fiequ. B’hekk 303 persuna fiqu mill-virus.

X’inhuma l-każijiet il-ġodda?

  • Ingliż ta’ 58 sena li kellu deni, sogħla uġigħ ta’ ras u remettar. Qed isir contact tracing tal-familja u fuq il-post tax-xogħol.
  • Maltija ta’ 29 sena li hija healthcare worker. Is-sintomi ħarġulha jumejn wara l-aħħar jum li ħadment.
  • Maltija li fis-6 ta’ April bdiet bis-sintomi. Din hija mara li s-soltu tbati bl-allerġiji u b’hekk ħasbet li s-sintomi li kellha kienu relatati mal-allerġiji u mhux għax mardet bil-virus.
  • Il-ħames każijiet l-oħrajn nstabu fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far. Ilbieraħ saru 146 swab test fiċ-ċentru. Kollha rġiel, ta’ 19, 31, 23, 20 u 21 sena.

Prof. Gauci qalet li huma stennew li se jibqgħu joħorġu l-każijiet fil-komunità u appellat biex kulħadd jibqa’ jiprattika s-social distancing.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsija dwar jekk hemmx idea meta l-pajjiż jista’ jiġi lura għan-normal, Prof. Gauci qalet li r-riċerka għat-tilqima għadha għaddejja. Qalet li hemm xi vaċċini li bdew jiġu ittestjati imma din hija xi ħaġa li tieħu ż-żmien tagħha. Qalet li bħalissa l-għan huwa li l-firxa tiġi kkontrollata. Qalet li sakemm kulħadd jirrispetta s-social distancing, in-numri jibqgħu baxxi.

Mistoqsija dwar l-istrateġija tal-iswab tests, Prof. Gauci qalet li din tiffoka fuq li taqbad persuni li jinstabu pożittivi. Qalet li l-appell huwa li n-nies dejjem iċemplu fuq 111 biex jiġu ttestjati. Qalet li mbilli għaddew minn swab test fil-passat ma jfissirx li dawn ma jinstabux pożittivi aktar il-quddiem. Qalet li qed isir random testing ta’ gruppi ta’ nies li m’għandhomx sintomi.

Mistoqsija għaliex l-exit strategy ta’ Malta mhix qed tiġi ppubblikata bħal pajjiżi oħrajn, Prof. Gauci qalet li importanti li meta wieħed jitkellem hekk, irid jirreferi għal transition strategy. Qalet li eventwalment se jkunu qed jitħabbru miżuri li se jittieħdu bbażata fuq x’ħareġ mir-riċerka li se jkunu qed jagħmlu l-awtoritajiet tas-saħħa.

Prof. Gauci qalet li l-istudju dwar kemm it-tilqima tat-tuberkolożi tipproteġi mill-coronavirus għadha għaddejja.

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt jekk il-vaċċin ikun għadu ma nstabx sakemm jiġu biex jinfetħu l-iskejjel f’Settembru, Prog. Gauci qalet li huma jridu jaraw x’jista’ jkun l-impatt meta tibda titnaqqas il-miżuri.

Prof. Gauci qalet li hija sfortuna li wieħed jara li jkun hemm persuni qed jeħlu l-multi imma dan huwa l-mod kif jistgħu jipproteġu lil persuni oħrajn milli jimirdu. Qalet li importanti li kulħadd jibqa’ jsegwi l-istruzzjonijiet, anke meta dawn jonqsu. Qalet li vera l-maġġorparti tal-każijiet kellhom sintomi minimi, kien hemm sitwazzjonijiet fejn persuni tilfu ħajjithom u oħrajn kellhom jidħlu l-isptar għal diversi drabi.

23% huma impjegati fis-setturi l-aktar milquta mill-Covid-19

Intant, skont infografika li ppubblika l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), 23% tal-ħaddiema f’Malta huma impjegati fis-setturi l-aktar milquta mill-coronavirus.

10% minn dawn il-ħaddiema jinsabu fl-industrija tal-akkomodazzjoni soċjali u l-attivitajiet fis-servizzi tal-ikel. 7% tal-ħaddiema ġejjin mill-industrija tal-wholesale u r-retail magħrufa bħala “mhux essenzjali”, jiġifieri li jbigħu karozzi, ħwejjeġ u għamara fost oħrajn. Intant l-industrija tal-ivjaġġar bl-ajru u l-baħar u dik tal-isport u l-gyms jimpjegaw 2% rispettivament. Min-naħa l-oħra l-industrija tal-films, produzzjoni tal-mużika u l-arti u dik tal-hairdressing u trattamenti tas-sbuħija jimpjegaw 1% rispettivament.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn