Filmat: 13-il każ pożittiv fosthom mara ta’ 96 sena

Read in English.

  • 13-il każ ġdid ta’ coronavirus
  • 38 persuna oħra jfiequ
  • Il-curve ta’ Malta għadha tiela’
  • L-irġiel huma fost l-aktar affettwati mill-coronavirus
  • Il-maġġoranza tal-każijiet jidher li nstabu l-aktar mit-tramuntana tal-pajjiż

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li lbieraħ saru 1,022 test ieħor u minn dawn ħarġu 13-il każ pożittiv. Qalet li issa fil-pajjiż hawn total ta’ 412-il każ pożittiv.

Hi kkonfermat li 38 persuna oħra fiequ bil-coronavirus. Qalet li Malta huwa t-tielet l-akbar pajjiż li għamlu testijiet.

Coronavirus Malta 16.04.20

Każijiet ġodda

  • Raġel ta’ 28 sena li huwa mis-Sri Lanka. Huwa kien kuntatt ta’ każ ieħor li kien hemm qabel. Kien fuq kwarantian u ħarġulu s-sintomu fl-14 ta’ April.
  • Mara Maltija ta’ 22 sena, healthcare worker li taħdem f’San Vinċenz de Paule. Din kienet fi kwarantina għax kellha kuntatt ma’ pazjenta pożittiva.
  • Mara Maltija ta’ 46 sena li bdiet bi griżmejha juġugħa fis-6 ta’ April. Din ma kinitx taħdem f’ħanut iżda kienet qed tagħmel deliveries fid-djar. Prof. Gauci appellat li meta jkun hemm shopping li jiġi mwassal fid-djar, dawn jitħallew għal xi żmien mingħajr ma jintmessu jew jintmesħu bl-ilma u s-sapun. L-awtoritajiet qed jaraw ma’ min seta’ kellha kuntatt din il-mara.
  • Raġel minn New Guinnea ta’ 38 sena. Kellu s-sintomi fid-9 ta’ April. Hu ħadem l-aħħar fil-15 ta’ April, u qed isir contact tracing tal-persuni li kellhom kuntatt miegħu kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll li jgħixu miegħu.
  • Raġel Malti ta’ 60 sena li ħarġulu s-sintomi fit-13 ta’ April. Hu ma kienx qed jaħdem.
  • Mara Matilja ta’ 59 sena. Is-sintomi ħarġulha fit-12 ta’ April. Il-kuntatti tagħha kien qarib wieħed.
  • Raġel Malti ta’ 44 sena li beda b’diarrhea u konġestjoni fl-imnieħer. Hu kien għadu jmur ix-xogħol. Tpoġġew fi kwarantina żewġ persuni minn fuq ix-xogħol u żewġ qraba tiegħu.
  • Raġel Ingliż ta’ 58 sena. Hu ma kellux sintomi relatati mal-coronavirus. Hu qed jinżamm f’post iżolat.
  • Mara Maltija ta’ 96 sena li daħlet l-isptar li daħlet l-isptar fit-13 ta’ April bi qtugħ ta’ nifs. Għall-ewwel ittestjat negattiva, imma testijiet li sarulha aktar tard sabuha pożittiva.
  • L-aħħar erba’ każijiet huma immigranti li kienu qed jinżammu fi kwarantina fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far. Fosthom hemm raġel ta’ 40 sena mill-Bangladesh, raġel ta’ 38 sena mis-Sudan, raġel ta’ 33 sena mill-Gambja u raġel ta’ 23 sena mis-Sudan.

Dettalji dwar l-epidemic curve Maltija

Prof. Gauci tkellmet dwar l-epidemic curve ta’ Malta. Qalet li kif jidher fil-graph t’hawn taħt, il-każijiet għadhom qed jitilgħu.

Intant, għamlet referenza wkoll għall-ġeneru. Qalet li jidher li huma l-irġiel li jidher li qed jinstabu l-aktar pożittivi għall-coronavirus. Jidher li l-każijiet li l-aktar instabu huwa f’persuni li għandhom bejn 30-34 sena.

Prof. Gauci qalet li l-maġġorparti tal-każijiet jidher li nstabu l-aktar fit-tramuntana tal-pajjiż.

Tkellmet ukoll dwar persuni li ġew rekoverati mill-coronavirus fil-pajjiż. Jidher li l-età medja ta’ persuni rikoverati mill-virus hija wkoll ta’ persuni li għandhom bejn it-30 u l-34 sena.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsija dwar il-kundizzjoni tat-tarbija ta’ xahar, Prof. Gauci qalet li din it-tarbija tinsab f’qagħda tajba. Qalet li l-persuni li hemm l-ITU għadhom tnejn. Li kien fuq il-ventilator jidher li għadu fuq il-ventilator, il-pazjent l-ieħor għadu taħt sorveljanza.

Mistoqsija dwar it-testijiet fid-djar tal-anzjani, Prof. Gauci qalet li qed issir ħidma biex kemm jista’ jkun tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni. Qalet li għandek diversi miżuri bħall-infection control measures u l-pjani tal-kontinġenza u wkoll żoni ta’ iżolazzjoni f’każ li pazjent ma jkollux bżonn jiġi trasportat lejn l-isptar. Qalet ukoll li hemm diversi djar li qed jaħdmu fuq bażi ta’ lockdown.

Mistoqsija dwar il-perjodu ta’ kwarantina fuq l-immigranti taċ-ċentru l-miftuħ ta’ Ħal Far li kien mistenni jagħlaq nhar il-Ħadd li ġej. Qalet li minħabba li għad hemm persuni li qed jinstabu pożittivi, il-perjodu ta’ kwarantina se jkollu jiġi estiż.

Prof. Gauci qalet li t-testijiet ikunu qed jaqbu l-partiċelli tal-virus li wieħed jittestjahom permezz tal-PCR. Qalet li dan ifisser li jkun hemm riskju li l-virus ma jinqbadx mill-ewwel. Qalet li l-appell huwa li l-pubbliku jsegwi l-istat kliniku tagħhom.

Dwar it-trattamenti, Prof. Gauci qalet li Malta qed tipparteċipa fi clinical trials. Qalet li l-pazjenti fl-Isptar Mater Dei qed jingħataw multiple treatment fejn jingħataw diversi mediċini biex jiġġieldu s-sintomi differenti.

Mistoqsija dwar meta ċertu restrizzjonijiet jistgħu jibdew jitneħħew f’Malta, is-Superintendent qalet li qed taħdem fuq linjigwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u tal-Unjoni Ewropea, ta’ kif għandu jsir l-assessment.

Mistoqsija dwar il-perjodu medju ta’ stennija biex isirilhom swab, Prof. Gauci qalet li kien hemm konkorrenza enormi ta’ persuni li għandhom sintomi. Qalet li l-akbar delay li jista’ jkun hemm hija ta’ ġurnata jew jumejn.

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar persuna li nstabet pożittiva lbieraħ li kienet taħdem f’lukanda. Qalet li saret diżinfetazzjoni tal-lukanda kollha. Din il-lukanda kienet propju dik fejn kellhom jiġu trasferiti l-anzjani. Qalet li dalgħodu bdew jiġu mmexxija l-anzjani f’din il-lukanda u se jkomplu jiġu mmexxija sal-lum ukoll.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn