Filmat: 3 każi ġodda; “Ma jfissirx li neżlin”

Covid-19 – Press Briefing 24-3-2020

Covid-19 – Press Briefing 24-3-2020

Posted by Covid19 Malta on Tuesday, 24 March 2020

Malta rreġistrat tliet każi ġodda ta’ coronavirus. Dawn kollha kienu każijiet impurtati.

Punti Prinċipali

  • 3 każi ġodda – kollha impurtati; “Ma jfissirx li neżlin il-każijiet, għadna fil-bidu nett”
  • “Fil-bidu Hong Kong kellhom 100 każ, raw li bdew neżlin, wara li rrillaxxaw il-kwarantina u l-iżolazzjoni, il-każi rduppjaw f’daqqa”
  • “Kemm jitilgħu l-każi jiddependi fuq il-koperazzjoni tal-pubbliku”
  • “Irridu nadattaw għal stil ta’ ħajja differenti”
  • “Għandna noħorġu biss għall-affarijiet essenzjali”

Il-Prof. Charmaine Gauci qalet li dawn il-pazjenti l-ġodda jinsabu f’qagħda tajba.

Mistoqsija mill-ġurnalisti dwar fejn se jkun l-isptar il-ġdid li trid tibni Malta, Gauci qalet li dan irid ikun kemm jista’ jkun qrib Mater Dei. Spjegat li Malta qed tipprova tara li ddaħħal sodod f’kwalunkwe post li jkun jiflaħ għalihom.

Għadd ta’ ġurnalisti staqsew lis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika dwar jekk kienx ikun aħjar li jintuża l-isptar San Luqa flok ma jinbena sptar ġdid.

“Jista’ jkollok sptar bħal per eżempju San Luqa, però ħafna drabi l-investiment li jkollu bżonn sptar li jkun ilu ħafna ma jintuża jkun ħafna aktar diffiċli u allura aktar tagħmel sens li jkollok xi ħaġa ġdida,” qalet il-Prof. Gauci.

Fuq Facebook, l-editur ta’ The Shift qalet li Malta qed tħallas €188,000 kuljum għal tliet sptarijiet lil Steward Healthcare. Caroline Muscat qalet li dan jammonta għal €70 fis-sena. Staqsiet jekk l-awtoritajiet qed jistennewx issa li l-pazjenti jiġu kkurati fi sptar pre-fabricated.

Il-Prof. Gauci qalet li hemm pazjent ta’ 61 sena li għadu qed jinżamm fl-ITU.

Gauci qalet ukoll li Malta tinsab fit-tielet post fl-UE għan-numru ta’ testijiet li qed isiru skont il-popolazzjoni. Qalet ukoll li 20% ta’ dawk affettwati mill-virus ikollhom bżonn il-kura fl-isptar.

Intqal ukoll li t-testijiet għall-COVID-19 li qed isiru fil-privat huma “simili” għal dawk li qed isiru f’Mater Dei.

Ġie spjegat li hemm żewġ tipi ta’ multi. Waħda ta’ €3,000 għal min suppost ikun fi kwarantina għax ikun siefer jew għax kellu kuntatt ma’ xi ħadd li kien pożittiv għall-virus. Hemm ukoll multa ta’ €10,000 għal min ikun pożittiv għall-COVID-19 u ma jibqax fil-post indikat lilu.

Liema huma l-każi l-ġodda?

Fost il-każi hemm mara ta’ 20 sena. Din kienet Londra u ġiet lura Malta fit-18 ta’ Marzu. Bdiet bis-sintomi fit-22 ta’ Marzu. Kienet fi kwarantina minn meta ġiet lura.

Maltija ta’ 20 sena. Din marret Londra wkoll bejn l-4 u d-9 ta’ Marzu. Kienet ma’ grupp ta’ studenti. Bdiet bis-sintomi fil-11 ta’ Marzu.

Raġel Amerikan ta’ 49 sena. Dan kien imsiefer u beda bis-sintomi fit-18 ta’ Marzu. Hu kien obda r-regoli tal-kwarantina.

L-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu qed jagħtu l-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus f’Malta.

Ilbieraħ is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, ħabbret li saru 304-il test ieħor u ħarġu 17-il każ ieħor pożittiv. B’hekk sal-bieraħ kien hawn 107 każijiet f’Malta.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn