Filmat: 9 każi ġodda tal-COVID-19

Read in English.

  • 1,051 swab test ieħor f’24 siegħa
  • Joħorġu total ta’ disa’ każi ġodda
  • Issa f’Malta hawn 393 każ tal-coronavirus
  • Fost il-każi ġodda hemm carer li taħdem f’dar tal-anzjani u 3 immigranti li jgħixu fiċ-ċentru l-miftuħ ta’ Ħal Far

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci ħabbret li wara 1,051 swab test ieħor ħarġu total ta’ 9 każi ġodda. B’hekk fil-pajjiż issa hawn 393 każ.

  • Pensjonant Malti li ma kellux kuntantti ħlief għall-familja. Hu għandi 71 sena.
  • Mara Maltija ta’ 50 sena li fl-4 ta’ April bdiet bis-sogħla. Dan l-aħħar ma marritx xogħol minħabba li bdiet bis-sintomi.
  • Raġel ta’ 48 sena li fil-11 ta’ April beda bis-sintomi. Ħadem l-aħħar fid-9 ta’ April.
  • Mara ta’ 34 sena Indjana. Hi taħdem carer f’dar tal-anzjani. Kien hemm sistema ta’ lockdown fid-dar tal-anzjani fejn ġara dan. Li ġara hija li din kienet se tidħol taħdem, ġiet ittestjata u nstabet pożittiva. Din kienet għadha ma daħlitx għax-xogħol.
  • Raġel Malti ta’ 30 sena li fil-11 ta’ April beda bis-sintomi. Sar contact tracing fuq il-post tax-xogħol u tal-familja.
  • Tfajla ta’ 23 sena Ingliża. Residenti u taħdem f’Malta. Fis-6 ta’ April bdew is-sintomi. Hi marret għax-xogħol fil-5 ta’ April u qed isir contact tracing tal-kumpanija privata.
  • 3 każijiet ta’ immigranti fiċ-Ċentru ta’ Ħal Far li bħalissa qiegħed fi kwarantina. Huma nstabu wara screening process li qed isir. Saru 20 test ieħor. Raġel ta’ 23 sena, ta’ 18-il sena u raġel ta’ 28 sena.

Ilbieraħ, Prof. Gauci ħabbret li minn 1,008 test instabu sitt każi pożittivi ġodda. L-ewwel każ kien feġġ f’Malta lura fis-7 ta’ Marzu.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsija dwar notifika legali dwar kastig ta’ ħabs dwar tixrid volontarju tal-coronavirus, Prof. Gauci qalet li dik għadha qed tiġi diskussa.

Mistoqsija dwar prekawzjonijiet fiċ-ċentru ta’ detenzjoni tal-Marsa, Prof. Gauci qalet li qed iħarsu lejn iċ-ċentri kollha fejn għandek l-immigranti. Dalwaqt jibda random testing ta’ dawn il-persuni.

Prof. Gauci wieġebet ukoll mistoqsija dwar cleaners li qed jiġu f’kuntatt ma’ pazjenti li jkollhom il-COVID-19. Hi qalet li kull persuna li jkollha xi tip ta’ kuntatt ma’ pazjenti li jkollhom il-coronavirus, trid tilbes il-PPE u qed jingħataw taħriġ dwar kif għandhom jilbsu u jneħħu dan l-ilbies.

Dwar in-numri ta’ każi, Prof. Gauci qalet li kien hemm ġranet b’numri żgħar u ġranet li jkun hemm numri għoljin. Qalet li ma tistax tgħid eżatti kif se jvarja n-numru minn ġurnata għall-oħra. Qalet li bħalissa kollox jindika li l-każijiet għadhom tilgħin il-fuq, b’rata baxxa. Qalet li m’hemm xejn li jindika li lħaqna l-peak.

Prof. Gauci qalet li ma twaqqafx ix-xogħol ta’ kostruzzjoni għax ma ħassewx li bħalissa kien hemm bżonn li dan isir. Qalet li dan ma jfissirx li dawn il-postijiet tax-xogħol m’għandhomx isegwu l-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Mistoqsija dwar prezzijiet ta’ mediċini li qed jiżdiedu, Prof. Gauci qalet li qed issir ħidma biex iħarsu lejn il-mediċini li jistgħu qed jgħollu l-prezzijiet tagħhom. Qalu li jridu jaraw għaliex qed jogħla l-prezz. Qalet li l-għan huwa li l-mediċini li huma verament neċessarji jibqgħu jaslu.

Prof. Gauci qalet li l-pazjenti qed jinżammu skont il-qagħda tagħhom u r-riżorsi preżenti. Qalet li fl-ITU għad hemm żewġ persuni u l-persuna fuq il-ventilator għadu stabbli. Il-pazjent l-ieħor qed jinżamm għall-osservazzjoni. Qalet li l-pazjenti kollha l-oħra jinsabu f’qagħda klinika tajba.

Mistoqsija dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs b’rabta ma’ ffullar u l-ħaddiema li qed jinbidlu kull ġimgħa, Prof. Gauci qalet li hija sitwazzjoni fejn għandek numru ta’ nies li qiegħdin kollha flimkien. Qalet li dawn ikollhom kuntatt flimkien. Qalet li qed issir ħidma tajba mill-ħabs fejn isir testing u cleaning biex titnaqqas il-firxa u jekk ikollok l-ewwel każ dan taqbdu mill-ewwel u ssir iżolazzjoni.

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar l-isptar t’Għawdex, Prof. Gauci qalet li hemm il-faċilità ta’ isolation unit. Qalet li l-PPE qed tingħata lill-istaff li għandu bżonn u skont l-interventi li qed jagħmlu fuq il-pazjenti. Qalet li t-taħriġ huwa importanti ħafna u dawn jintużaw minn persuni li jiġu mħarrġa jagħmlu dan u li verament għandhom bżonnhom.