“Renald kien kapaċi jħares lejn kull wiċċ mingħajr ma jħares lejn uċuh”

Aġġornat 07:14 PM

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li s-Sindku ta’ Ħal Qormi, Renald Falzon, kien bniedem li kien kapaċi jħares lejn kull wiċċ, mingħajr ma jħares lejn uċuh.

Hu qal dan fl-omelija tal-funeral ta’ Falzon, wara li dan tilef ħajtu lbieraħ fl-età ta’ 46 sena minħabba li marad bil-coronavirus. Hu l-iżgħar vittma ta’ dan il-virus qerriedi għal Malta.

L-Arċisqof irrimarka li Falzon kien qaddej ta’ kulħadd u sostna li jixtieq li kulħadd jiftakar lil Falzon b’dan il-mod. Insista li Falzon kien iħares lejn kull wiċċ u jqis li kull min għandu bżonn l-għajnuna jirċeviha.

Renald Falzon

L-Arċisqof sostna li meta nitilfu lil xi ħadd għażiż, dak li jkun bla ma jrid jibda jistaqsi mistoqsijiet bħal: “Imma dak kollu jagħmel sens? U Alla fejn qiegħed? Ma setgħax jeħlisielna din il-waħda?”

Irrimarka li ma għandux risposta għal dawn il-mistoqsijiet. Intant issieħeb mal-qraba u l-ħbieb ta’ Falzon fin-niket, imma wkoll fit-tama tal-qawmien. Sostna kif kemm Renald, kif ukoll missieru Carmelo, li miet kawża tal-coronavirus ftit tal-ġimgħat ilu, “kieku jkellmuna minn fejn qiegħdin, jgħidulna żgur kliem ta’ faraġ u ta’ paċi.” Insista iżda li dan ma jfissirx li “se nneħħu n-niket u d-dulur u se ninsewhom.”

“Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna u nitolbu għal Renald, ngħożżu ħajjitna għax hija prezjuża. F’dan il-mument ta’ pandemija, quddiem wieħed mill-vittmi għeżież, nimpenjaw ruħna biex ngħożżu ħafna lil xulxin. Nimpenjaw ruħna fis-sens ċiviku li ħaddan Renald bħala sindku, mingħajr ma beża’ mill-isfidi,” qal Mons. Scicluna.

Hu kompla billi sellem lil kull min fis-soċjetà jagħti ħinu u saħħtu bħala servizz għall-poplu.

Fid-8.45am beda l-korteo madwar ir-raħal ta’ Ħal Qormi, fejn Falzon kien qed imexxi bħala Sindku.

L-aħħar tislima lis-Sindku, mill-binja tal-Kunsill li fiha tant stinka għall-bżonnijiet tal-Qriema

Posted by Kunsill Lokali Ħal Qormi on Friday, November 13, 2020

Il-korteo waqaf għal ftit ħin quddiem il-Kunsill Lokali biex tingħata tislima lil Falzon.

Wara l-funeral imbagħad, il-kamra tan-Nar 23 ta’ April tat is-salut fi Triq il-Kbira. Fl-istess triq ingħatat tislima mill-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri. Ingħatat tislima wkoll quddiem l-Uffiċċju tal-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca u wkoll mill-Qormi FC.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi qed iħeġġeġ lill-Qriema sabiex f’dan il-jum ta’ luttu, jniżżlu l-bnadar tagħhom ikunu mezz’asta b’turija ta’ rispett.

L-FKNK issellem il-memorja ta’ Falzon

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li tinsab f’sogħba kbira bit-tħabbir tal-mewt tas-Sindku ta’ Ħal Qormi, Renald Falzon. Qalet li Renald kien ħabib ta’ vera tal-FKNK, speċjalment tal-Għaqda Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti – Qriema (GħKNK – Q) fi ħdan l-FKNK.

Sostniet li Renald minn dejjem kien minn ta’ quddiem biex jgħin kif jista lill-FKNK u lill-kaċċaturi u n-nassaba fi ħdan l-GħKNK – Q.  Kien biss f’Jannar ta’ din is-sena li Renald, f’isem il-Kunsill Lokali Qormi iffirma MOU mall-FKNK, bil-kollaborazzjoni tal-GħKNK – Q, sabiex tiġi installata guva apposta f’wieħed mill-ġonna pubbliċi tal-lokal, fejn wieħed jingħata l-opportunita’ jammira mill-qrib id-diversi speċi ta’ għasafar li se jitpoġġew fil-guva. L-FKNK għalhekk hija tal-fehma, li issa, u bix-xirqa, din il-guva tissejjaħ Renald Falzon.