​Filmat: “Konna naqtgħu l-weraq għall-Korpus flimkien”

Waqt il-funeral ta’ Colin Muscat, li miet fl-isplużjoni tal-kamra tan-nar fis-Salini, li sar fil-Mosta, is-saċerdot qarib ta’ Muscat qal li kienu jmorru flimkien jaqtgħu il-weraq għall-festa ta’ Korpus.
Waqt l-omelija, fi knisja mimlija, Dun David Muscat qal li għal Colin, il-festi kienu għal qalbu ħafna.
Spjega kif fil-ħajja eterna, skont it-tagħlim ta’ San Pawl, l-imħabba ma tispiċċa qatt.
Dun Muscat żied jgħid ukoll li rridu nkunu preparati għal ġudizzju universali meta nidhru quddiem Kristu u ntuh kont ta’ dak li nkunu wettaqna f’ħajjitna. Fakkar li meta niġu biex nidhru quddiemu għemilna jkun l-aktar importanti, mhux kemm wieħed jaqla’ flus jew jilħaq fil-karriera tiegħu.
Muscat kellhu 36 sena u kien mill-Mosta. Bħala sinjal ta’ rispett diversi każini tefgħu xi fjuri waqt il-korteo li kien akkumpanjat minn banda.
Skont il-Grupp Ħidma San Publju, Muscat kien inkarigat min-nar tal-festa ta' San Publju.
L-isplużjoni kienet seħħet fis-26 ta’ Mejju.
Fuq il-post marru diversi uffiċjali tal-Forzi Armati ta' Malta, tal-pulizija, tal-protezzjoni ċivili, u mill-isptar Mater Dei.