Filmat: “Tlabt lill-PM jagħti 3 ijiem leave lill-frontliners” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talab lill-Prim Ministru Robert Abela biex il-Gvern jagħti tliet ijiem leave bi ħlas lill-frontliners li qal li kienu l-eroj waqt il-pandemija tal-Covid-19. F’ittra li bagħat dalgħodu lill-PM, Adrian Delia qal li dan għandu jkun “ġest żgħir imma sinnifikattiv” għal dawn il-ħaddiema fosthom il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.

Huwa kien qed jitkellem fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-PN li fih ġie approvat statut ġdid. Tul il-Kunsill Ġenerali, Delia flimkien mal-kelliema l-oħra rringrazzjaw lil Dr Louis Galea għall-ħidma tiegħu biex tul din is-sena seta’ jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni biex seta’ jipproponi statut ġdid li ġie approvat unanimament.

“Irridu nibdew nemmnu li l-partit huwa rebbieħ” – Delia

Adrian Delia stqarr li l-partitarji jridu jibdew jemmnu li l-partit huwa rebbieħ. Din id-dikjarazzjoni kkuntrastat ma’ dik tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech li fl-istess Kunsill Ġenerali qal li “rridu naċċettaw li l-ġenerazzjoni tagħna mhix rebbieħa” u għaldaqstant irrakkomanda li ż-żgħażagħ jingħataw spazju akbar.

Huwa spjega li l-bidliet li saru tul is-snin fl-istatut wasslu biex ma jkunx personaġġ wieħed imma jkun hemm oħrajn involuti fid-deċiżjonijiet.

Il-Ħamis, il-Kunsilliera tal-PN approvaw l-istatut il-ġdid
Kapitlu ġdid fl-istorja tal-PN; il-Kunsilliera japprovaw l-istatut

Adrian Delia qal li hemm ħafna fil-Partit Laburista li mhux qed jifhmu għalfejn qiegħdin fil-Gvern. Huwa qal dan b’referenza gġat-turija ta’ arroganza mill-Ministru Ian Borg li din il-ġimgħa qal lill-ġurnalisti li l-Partit Laburista jinteressah mir-rebħ.

Qal li bħalissa qed naraw kriminalità li qatt ma rajna bħala iżda fl-istess waqt qal li ma jfissirx li dan jagħti dritt lill-Partit Nazzjonalista li jigverna. Spjega li xogħol il-PN huwa li jfihem lill-pubbliku u jmur dar dar jispjega l-ħidma tiegħu. Tkellem dwar l-obbligu li l-PN għandu biex jispira żgħażafgħ, familji u negozji li dak li qed jingħad jaqbel lilhom għall-viżjoni ta’ pajjiż aħjar.

Il-PN jilqa’ l-inkjesti għax m’għandniex minn xhix nibżgħu – Zammit Dimech

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech qal li l-PN jilqa’ l-inkjesti għax m’għandniex minn xhix nibżgħu. Huwa qal ukoll li l-PN irid li ssir il-ġustizzja fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ma jrid ikun hemm xejn li jtellef il-proċess ġudizzjarju.

Fid-diskors tiegħu, Zammit Dimech tkellem dwar il-każijiet ta’ korruzzjoni u stqarr kif Konrad Mizzi ma jistħix u kiteb lill-Ispeaker jgħidlu li se jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu lill-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta. Zammit Dimech fakkar kif Mizzi kien wara d-deals li minnhom insterqu l-Maltin u l-Għawdxin. Huwa għalhekk appella għall-għaqda fil-partit.

“Il-PL kien juża’ ċ-ċedoli wkoll” – Arrigo

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo qal li l-Partit Laburista kien juża’ ċ-ċedoli wkoll. Huwa qal dan għall-kritika negattiva li għamel il-PL dwar l-iskema ċedoli li permezz tagħhom l-Partit Nazzjonalista jissellef il-flus. Huwa stqarr li din l-iskema hija approvata mill-MFSA. Huwa ħabbar ukoll li filwaqt li kienet għaddejja din il-kampanja negattiva tal-PL, il-PN iffirma 100 kuntratt taċ-ċedoli matul dawn il-jiem.

Arrigo tkellem ukoll dwar il-pjan finanzjarju għall-midja tal-PN fejn qal li din is-sena t-telf se jinżel għal €400,000 u kif imbassar dan jiġi qrib fix-xejn jew saħansitra jispiċċa s-sena d-dieħla.

Ritratt ippubblikat mill-Partit Nazzjonalista ta’ ċedola tal-PL mill-1994 iffirmata mill-Mexxej ta’ dak iż-żmien Dr Alfred Sant.

Il-Kunsill Ġenerali kien immexxi mill-President Ċensu Galea.