Filmat: 5 każijiet ġodda ta’ coronavirus

Aġġornat 10:42 PM

Read in English.

Is-Supertendent għas-Saħħa Pubblika il-Professur Charmaine Gauci ħabbret li f’Malta hawn 5 każijiet ġodda ta’ coronavirus. B’kollox s’issa ġew irrappurtati 139 każ u lbieraħ saru 432 test.

Hija qalet li b’kollox kien hemm żewġ persuni fl-ITU inkluż il-pazjent ta’ 61 sena u persuna oħra. Il-persuna l-oħra inħarġet mill-ITU iżda daħlet pazjenta oħra ta’ 60 sena li qed tinżamm fl-ITU.

Dwar il-ħames każijiet ġodda: raġel ta’ 23 sena li jgħix fl-Ingilterra iżda ġie Malta fis-17 ta’ Marzu, beda bis-sintomi. Uġiegħ fil-muskoli u mit-testijiet ħareġ pożittiv. Qed issir contact tracing ta’ dawk in-nies li kienu fuq l-ajruplan. Dan isir billi jiġu kkuntattjati l-persuni kollha fuq l-ajruplan iżda b’mod partikolari dawk il-persuni fiż-żewġ fillieri ta’ quddiem u wara dik li jkun fiha l-pazjent.

Coronavirus Malta 27.03.20

Raġel Malti ta’ 23 sena li nstab permezz tal-contact tracing. Il-membri tal-familja tiegħu ukoll jinsab fi kwarantina.

Raġel ieħor Malti ta’ 32 sena nstab permezz tal-iscreening li qed isiru fl-isptar Mater Dei qabel l-operazzjonijiet. Qed issir contact tracing tal-familja tiegħu.

Raġel ta’ 30 sena mill-Indja li jaħdem bħala healthcare worker.

Raġel ta’ 23 sena mill-Gambja li kellu s-sintomi fl-24 ta’ Marzu. Huwa jgħix ma’ persuna oħra fil-komunita u mhux f’ċentru ieħor.

F’din il-konferenza, il-Professur Gauci ħabbret ukoll dettalji għall-persuni li joqogħdu ma’ nies fil-lockdown.

Il-Professur Gauci spjegat li lbieraħ tat l-awtorita lill-Pulizija li fejn jaraw gruppi ta’ ħames persuni jew iktar ikollhom is-seta’ li jistgħu jferqu l-persuni u b’hekk iżommu distanza bejn xulxin. Qalet li s-Sovrintendenza qed iżżomm kuntatt mal-Banek biex tnaqqas in-nies li jiffrekwentaw il-fergħat.

Hija qalet li jista’ jkun li huma ftit u semmiet diversi raġunijiet fosthom nuqqas min-nies li għandhom is-sintomi u mhumiex jirrikorru għat-testing.

Hija spjegat li ħafna nies ma jissusspettawx li jkollhom il-coronavirus. Hija appellat biex minn ikollu sintomi bħall-persuni li rriżultaw pożittivi għandu jċempel fuq il-linja 111 biex isir it-testing. Dan isir biex ma jkomplix jixtered il-virus.

Mistoqsija dwar persuni b’mard mentali li ma jkunux jistgħu jibqgħu magħluqin ġo djarhom, il-Professur ħeġġet biex issir attivita fiżika fid-dar iżda qalet l-importanti li ma jkunx hemm kuntatt ma’ ħaddieħor.

Dwar il-bus stops, il-Professur Gauci qalet li l-istennija għall-karozzi tal-linja qed tiġi ssorveljata mill-Pulizija biex ikunu jistgħu jisseparaw in-nies f’distanza ta’ żewġ metri minn xulxin. Hija qalet li l-anzjani li kienu jużaw il-karozzi tal-linja issa qiegħdin id-dar bil-miżuri li ddaħħlu lbieraħ.

Intqal ukoll li l-carer ta’ pazjenti tad-dijabete bl-insulina għandha tibqa’ tmur fid-djar ta’ dawn il-pazjenti biex tamministra l-insulina. Dwar pazjenti li jbatu bl-asma, il-Professur qalet li dawk li huma bl-oral steroids huma l-aktar f’riskju. Hija spjegat li hemm diversi tipi ta’ asma anke fost it-tfal iżda qalet li dawn mhumix f’riskju għoli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn