Filmat: L-ebda każ tal-coronavirus fl-aħħar 24 siegħa

Read in English.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci tat l-aħħar aġġornamenti fuq il-coronavirus f’Malta fil-konferenza tal-aħbarijiet, u ħabbret li fl-aħħar 24 siegħa ma kien hemm l-ebda każ ġdid tal-coronavirus u fiequ 13-il persuna.

B’kollox saru 1,193 test fl-aħħar 24 siegħa, b’total ta’ aktar minn 66,000 test mindu bdiet il-pandemija. Issa Malta għandha 94 każ attiv.

Persuna waħda ttieħdet fl-ITU fl-Isptar Mater Dei.

Illum tħabbret it-tmien mewta f’Malta bil-coronavirus, dik ta’ raġel ta’ 56 sena li kien ibati minn diversi kundizzjonijiet kroniċi oħra. Ilbieraħ tħabbru erba’ każijiet ġodda tal-coronavirus, filwaqt li 10 persuni fiequ.

X’kienu l-erba’ każijiet tal-bieraħ?

  • Maltija ta’ 33 sena, żewġha kellu l-coronavirus; kienet kwarantina; fis-26 ta’ Mejju bdew juġgħuha griżmejha, kellha nuqqas ta’ togħma u xamm;
  • Żewġ carers li jaħdmu Karin Grech, f’kuntatt ma’ żewġ carers oħrajn li kienu pożittivi; it-tnejn Indjani, waħda ta’ 33 sena bla sintomi, u l-oħra ta’ 32 sena li kellha sintomi fis-26 ta’ Mejju bi wġigħ ta’ ras u nuqqas ta’ xamm;
  • Maltija ta’ 53 sena li fl-20 ta’ Mejju kellha wġigħ ta’ ras, uġigħ fil-muskoli, nuqqas ta’ xamm u togħma; inżammet id-dar imma qed isegwu l-każ.

Rigward il-pazjent li miet bil-coronavirus, Prof. Gauci qalet li dan kellu diversi kundizzjonijiet kroniċi oħra, u hu kien jinsab l-Isptar Mater Dei għall-kura qabel ma rriżulta li kellu l-coronavirus. Huwa ma kienx qiegħed fis-Sala tal-Kura Intensiva f’Mater Dei.

Lil hinn minn dan, meta mistoqsija mill-ġurnalisti, Prof. Gauci qalet li qegħdin jippreparaw il-linji gwida għal meta jħabbru l-ftuħ mill-ġdid ta’ ċerti servizzi, bħall-eżamijiet għal-liċenzja tas-sewqan.

Is-sitwazzjoni fl-isptarijiet

  • Sptar Boffa: 13-il persuna
  • Sptar San Tumas: 6 persuni
  • Sptar Mater Dei: 6 persuni – 4 fl-Infectious Diseases Unit, wieħed f’sala oħra fejn hemm il-coronavirus, u persuna ttieħdet fl-ITU mill-infectious diseases unit imma s’issa m’għandux bżonn ventilazzjoni invażiva
  • Sptar Monte Karmeli: m’hemm l-ebda pazjent wara li ntbagħat id-dar

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn