Filmat: 2 każijiet ġodda tal-coronavirus; ifiqu 6 persuni

Read in English.

Il-Prof. Charmaine Gauci qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet biex tagħti l-aħħar rendikont tas-sitwazzjoni tal-coronavirus f’Malta. Hija ħabbret li fiequ sitt persuni u nstabu żewġ każijiet ġodda tal-coronavirus.

Xi tħabbar illum?

  • 2 każijiet ġodda
  • 1,022 test ilbieraħ
  • 6 persuni mfejqa
  • 68 każ attiv tal-coronavirus

It-total ta’ persuni li fiequ huwa ta’ 413 mit-total ta’ 486 każijiet f’Malta. B’hekk issa f’Malta hawn 68 persuna li għandhom każ attiv tal-coronavirus.

L-ebda miż-żewġ pazjenti ġodda ma kellhom sintomi tal-coronavirus. Wieħed mill-każijiet huwa ta’ Maltija ta’ 24 sena li ma kellha l-ebda sintomi, iżda marret ma’ bintha biex din tagħmel it-test għax kellha s-sintomi. L-awtoritajiet offrew lill-omm biex tagħmel it-test u dan irriżulta fil-pożittiv.

Il-każ il-ġdid l-ieħor huwa ta’ mara Maltija ta’ 77 sena li wkoll ma kellha l-ebda sintomi, iżda marret l-isptar biex tagħmel operazzjoni u meta sarilha t-test li qed isir fuq il-pazjenti kollha fl-Isptar Mater Dei, dan irriżulta fil-pożittiv.

Il-Prof. Charmaine Gauci nnutat li t-tfal mhumiex jimirdu bil-coronavirus daqs l-adulti. 3.7% biss kienu każijiet fost it-tfal, imma t-tfal jistgħu jittrażmettu l-virus lill-oħrajn, u għalhekk il-Professur appellat biex it-tfal xorta jinżammu ’l bogħod min-nies vulnerabbli.

Prof. Gauci qalet li kulma jmur, qegħdin jonqsu l-pazjenti li qegħdin jinżammu l-isptar. Fit-Taqsima tal-Kura Internsiva ma fadal l-ebda pazjent filwaqt li fl-Isptar Mater Dei hemm żewġ pazjenti. Fadal ftit pazjenti fl-Isptar Boffa u fl-Isptar San Tumas.

Ilbieraħ tħabbru żewġ każijiet ġodda, wieħed minnhom ta’ carer fl-Isptar Karin Grech, fejn jum qabel miet anzjan, il-ħames vittma tal-coronavirus f’Malta.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn