Filmat: 9 każi ġodda tal-coronavirus; anzjan f’kura intensiva

Read in English.

  • 9 każi ġodda; 73 każ tal-coronavirus b’kollox f’Malta
  • Anzjan ta’ 61 sena li nstab pożittiv jiżviluppa problemi tas-saħħa; jittieħed l-ITU
  • Kull minn mar jixtri mill-Balzan Pharmacy bejn is-16 u 17 ta’ Marzu għandu joqgħod kwarantina
  • L-Isptar t’Għawdex attrezzat imma l-pazjenti jistgħu jitniżżlu Malta

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li lbieraħ saru 233 test u minn dawn instabu disa’ każi ġodda oħra. B’hekk hawn 73 każ ikkonfermati. L-anzjan ta’ 61 sena li lbieraħ daħal bi pneumonia, issa se jkollu jitmexxa għall-kura intensiva (Intensive Therapy Unit) fl-Isptar Mater Dei għal aktar attenzjoni u kura.

X’inhuma d-dettalji tal-każi ġodda?

L-ewwel każ huwa ta’ mara ta’ 21 sena Maltija. Din ma kinitx imsiefra imma kienet f’kuntatt ma’ persuna li siefret lejn l-Ingilterra. Kellha sintomi li bdew fid-19 ta’ Marzu – deni u uġigħ ta’ rad. Din hija studenta tal-Università imma l-aħħar li attendiet kien fl-10 ta’ Marzu. Qed isir ukoll testing tal-persuna li oriġinarjament ġiet mill-Ingilterra.

Każ ieħor huwa ta’ raġel Somalu ta’ 44 sena li jgħix u jaħdem hawn Malta. Fis-17 ta’ Marzu beda jħoss is-sintomi wara li ġie lura minn Brussell. Is-sintomi tiegħu kienu deni u wġiegħ f’sidru. Hu kien mar immedjatament fi kwarantina mar-ritorn tiegħu u lbieraħ iddaħħal l-istptar. Kull ma kien hemm f’kuntatt miegħu kienu żewġ persuni oħrajn li jgħixu fl-istess post miegħu.

Każ ieħor huwa ta’ raġel barrani u miżżewweġ Maltija ta’ 41 sena. Dan ma kienx imsiefer barra u lanqas ma kellu kuntatti ma’ xi ħadd li huwa pożittiv. Beda bis-sintomi fil-15 ta’ Marzu – sogħla, qtugħ ta’ nifs u għajja. Qalet li dan il-każ jindika li seta’ kien hemm trażmissjoni lokali. Bħalissa qed isir contact tracing tan-nies li kienu fuq il-post tax-xogħol u anka n-nies li jgħixu miegħu bħala l-house hold.

Każ ieħor kien dak ta’ raġel Malti ieħor ta’ 55 sena li la kien siefer u lanqas ġie f’kuntatt ma’ persuni infettati. Beda bis-sintomi fl-14 ta’ Marzu bid-deni u wġiegħ fil-muskoli. Hu kien mar ix-xogħol fit-13 ta’ Marzu, ġurnata qabel ma ħarġu s-sintomi, f’kumpanija privata. Beda contact tracing fuq il-post tax-xogħol.

Mara Maltija li tgħix l-Ingilterra u ġiet Malta fid-19 ta’ Marzu. Propju dakinhar stess bdiet bis-sintomi li kienu vera ħfief ta’ uġigħ fil-muskoli. Hi obdiet il-liġijiet tal-kwarantina. Madanakollu qed isir contact tracing tat-titjira li ġiet biha peress li din kellha s-sintomi ftit wara li ġiet Malta.

Każ ieħor huwa ta’ mara Taljana ta’ 24 sena li tgħix l-Awstralja u ġiet Malta fl-14 ta’ Marzu. Is-sintomi ta’ deni u sogħla bdew fid-19 ta’ Marzu. Din kienet obdiet il-kwarantina, għax ġiet minn Londra u l-unika nies li setgħu kienu f’kuntatt magħha kienu dawk li kienu qed jgħixu fl-istess dar. Huma kollha tpoġġew fi kwarantina.

Każ ieħor huwa ta’ mara Maltija ta’ 49 sena li ma sifritx barra hi imma kellha kuntatt ma’ raġel li kien siefer u nstab pożittiv. Hi bdiet mis-sintomi fid-19 ta’ Marzu. Dawk li ġew f’kuntatt magħha kienu ż-żewġ persuni li jgħixu fl-istess dar tagħha. Din taħdem fi skola, imma l-iskejjel kienu diġà ngħalqu allura ma kienx hemm effett.

Każ ieħor huwa ta’ persuna ta’ nazzjonalità Indjana ta’ 30 sena. Hu ma jaħdmix allura ma kellux kuntatti fuq il-post tax-xogħol u lanqas kien vjaġġa fl-aħħar ġimgħat. Hu beda bis-sintomi fit-18 ta’ Marzu b’deni, sogħla u uġigħ ta’ ras. Il-Professur qalet li aktar tard ħareġ li dan kien jgħix ma’ persuna oħra li diġà nstab pożittiv.

Każ ieħor huwa ta’ mara Ingliża ta’ 68 sena li tgħix Malta. Hi ġiet lura minn Londra fis-16 ta’ Marzu. Hi għamlet kwarantina immedjatament. Is-sintomi ħarġula fit-18 ta’ Marzu bl-għajja u d-deni.

Il-Prof. Gauci tkellmet dwar każ ta’ healthcare worker li kienet taħdem fl-ispiżerija ta’ Ħal Balzan. Qalet li huwa diffiċli li wieħed ikun jaf min mar jixtri minn hawnhekk u għalhekk appellat biex kull min mar jixtri fis-16 u 17 ta’ Marzu jagħmel self-isolation. Rigward il-każ tal-BOV, il-Professur Gauci qalet li sa issa ma rriżulta l-ebda każ pożittiv minn bank.

F’kuntatt ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, l-ispiżerija qalet reġgħet fetħet wara li ttieħdu l-miżuri kollha għas-saħħa tal-impjegati u tal-klijenti. Intqal li wara fumigazzjoni tal-ispiżerija tpoġġiet perspex biex tifred lill-impjegati minn mal-klijenti kif ukoll tneħħew oġġetti bla użu minn mal-counter.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsija dwar jekk hux qed isiru testijiet fuq persuni li mietu dan l-aħħar għall-coronavirus, il-Professur Gauci qalet li qed isiru testijiet. Intant qalet li sa issa mill-ebda test li saru fuq swabs ta’ katavri ma ħarġu pożittivi.

Dwar Għawdex, il-Professur qalet li f’Għawdex hemm il-kapaċità li jinżammu fl-isptar ta’ Għawdex. Qalet li dawn jista’ jkun hemm il-każ li tinħareġ ordni biex il-pazjent jiġi trasferit lejn Malta. Qalet li din hija xi ħaġa li diġà ġrat.

Il-Professur qalet li meta persuna tħoss sintomi, imma ma jirriżultax li dan kien il-coronavirus, dawn xorta jibqgħu taħt kwarantina għal 14-il jum.

Il-Professur qalet li ‘l fuq minn 20 persuna pożittiva għall-coronavirus qed jinżammu fi djarhom. Qalet li dan biex il-postijiet li hemm fl-isptarijiet jibqgħu disponibbli f’każ ta’ bżonn. Il-persuni li qed jintbagħtu fid-dar huma persuni li jinsabu f’kundizzjoni stabbli.

Ilbieraħ tħabbru total ta’ 11-il każ ġdid ta’ coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn