Filmat: 17-il każ ieħor ta’ Coronavirus f’Malta

Read in English.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, ħabbret li saru 304-il test ieħor u ħarġu 17-il każ ieħor pożittiv. B’hekk hawn 107 każijiet f’Malta.

  • 17-il każ ġdid imħabbra llum
  • F’Malta issa hawn 107 każi tal-coronavirus
  • 10 każi huma impurtati minn barra filwaqt li seba’ huma trażmissjoni lokali
  • Prof. Gauci tappella mill-ġdid sabiex persuni li jistgħu jagħmlu xogħolhom mid-dar jitħallew jagħmlu dan
  • 20% tal-każi lokali huma trażmissjonijiet lokali

Każi tal-coronavirus li ġejjin minħabba safar

Prof. Gauci qalet li 10 mill-każi huma relatati ma’ persuni li kienu msifrin.

L-ewwel każ huwa ta’ mara Maltija ta’ 61 sena li ma sifritx hi imma kellha kuntatt ma’ persuna li siefret.

It-tieni każ huwa ta’ żagħżugħ ta’ 19-il sena li kien siefer lejn it-tramuntana tal-Italja bejn il-1 u t-8 ta’ Marzu. Hu mar immedjatament fi kwarantina u ħarġulu s-sintomi fid-19 ta’ Marzu bis-sogħla.

Mara Maltija 56 sena li kienet imsiefra l-Ingilterra bejn id-29 ta’ Frar u 17 ta’ Marzu. Fl-20 ta’ Marzu bdiet bis-sintomi ta’ uġigħ ta’ ras u deni. Hi ma kellha kuntatt ma’ ħadd ħlief żewġ membri tal-familja li joqgħodu fl-istess residenza magħha.

Każi ieħor ta’ raġel Ingliż ta’ 56 sena li huwa residenti f’Malta. Hu kien l-Ingilterra bejn l-10 u 20 ta’ Marzu. Ġie lura u kellu s-sintomi tal-virus. Qalet li qed isir contact tracing tal-persuni li kienu fuq it-titjira. Ma kellux kontatti ħlief ta’ qarib ieħor li jgħix miegħu fid-dar.

Żewġ każijiet li huma koppja, Maltija ta’ 32 sena u r-raġel Taljan ta’ 30 sena li jgħixu hawn Malta. Huma marru Spanja, bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu u bdew bis-sintomi fil-15 ta’ Marzu.

Każ ieħor relatat ma’ safar kien ta’ Malti ta’ 28 sena li jgħix l-Ingilterra. Hu ġie lejn Malta meta kienu se jitwaqqfu t-titjiriet, u nstab li kellu l-coronavirus. Beda bis-sintomi fis-17 ta’ Marzu. Hu kien qiegħed kwarantina u allura ma kienx hemm persuni oħrajn li ġie f’kuntatt magħhom. Minkejja dan, qed isir contact tracing tat-titjira għax is-sintomi ħarġu fuq it-titjira.

Mara mil-Irlanda ta’ 60 sena residenti ta’ Malta. Din il-mara kienet qed iddur id-dinja. Ġiet lura fl-14 ta’ Marzu u wara żviluppat sintomi ta’ sogħla, deni u uġigħ fil-griżmejn. Hi kienet fi kwarantina mandatorja.

Raġel Malti ta’ 56 sena li ma sifirx imma kellu kuntatti fuq il-post tax-xogħol ma’ persuna oħra li kien imsiefer. Dan kien inqabad permezz tal-contact tracing.

Raġel ta’ 40 sena Malti, li beda bid-sintomi fis-16 ta’ Marzu li kellu kuntatt ma’ żewġ persuni oħrajn li diġà nstabu pożittivi bil-virus minħabba safar.

Każi ġodda ta’ trażmissjoni lokali

Mara Maltija, ta’ 32 sena, healthcare worker. Din ma kellhiex safar. Fil-contact tracing hemm żewġ membri tal-familja tagħha u persuni oħrajn li kienu qed jaħdmu magħha.

Hemm ukoll raġel Malti ta’ 34 sena. Dan ma kienx imsiefer. Fis-16 ta’ Marzu beda bis-sintomi b’uġigħ fil-griżmejn u qtugħ ta’ nifs. Qed isir il-contact tracing, iżda hu ġieli jkollu kuntatti ma’ barranin.

Mara mill-Ukraina li tgħix Malta u għandha 38 sena. Hi ma kinitx imsiefra. Is-sintomi tagħha bdew fit-22 ta’ Marzu. Qalet li din ikollha kuntatt regolari ma’ barranin minħabba n-natura ta’ xogħolha.

Mara oħra ta’ 52 sena li bdiet bis-sintomi fis-7 ta’ Marzu li ma kinitx imsiefra. Hi ma kelliex kuntatti ma’ nies li taf li kienu sintomatiċi. B’hekk qed isir contact tracing fuq il-post tax-xogħol u persuni li setgħu ġew f’kuntatt magħha.

Hemm tliet każi relatati ma’ xulxin. Tifla ta’ 14-il sena, mara ta’ 49 sena u raġel ta’ 21 sena. Dawn inqabdu wara contact tracing, wara każ li kien pożittiv li ma kienx relatat ma’ safar.

Ilbieraħ, Prof. Gauci, flimkien mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, ħabbru żieda ta’ 17-il każ ġdid tal-virus. B’hekk f’Malta, sal-bieraħ, kien hawn total ta’ 90 każ. Filwaqt li pazjent wieħed jinsab f’kura intensiva, il-bqija jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba, bil-maġġoranza tagħhom qed jinżammu fi kwarantina fi djarhom.

Prof. Gauci fakkret fid-diversi direttivi li ħarġu sabiex il-firxa jonqos. Intant, appellat għal min iħaddem sabiex jimplementaw it-teleworking. Qalet li s-saħħa tiġi l-ewwel u importanti li l-poplu jiġi protett mill-virus.

Spjegat li bħalissa l-pajjiż għadu fil-containment phase. Qalet li din il-ħidma hija l-aktar waħda effiċjenti f’każ meta jkun hemm firxa tat-tip fil-pajjiż. Qalet li f’Malta qed jagħmlu ħafna testijiet aktar mill-medja.

Sostniet li huwa importanti li l-popolazzjoni kollha taddatta dan l-istil ta’ ħajja. Qalet li importanti li l-pubbliku jitgħallem ikompli l-ħajja tiegħu ta’ kuljum u jibqa’ f’kuntatt mal-familja imemdjata biss.

Twieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti

Prof. Gauci qalet li l-miżuri qed joħorġu proporzjonalment. Qalet li qed jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-affarijiet fejn jista’ jkollok gruppi ta’ persuni jiltaqgħu flimkien. Insistiet li jekk in-nies jobdu, dan jista’ jiġi kkontrollat.

Mistqosija dwar ir-raġel li jinsab f’kura intensiva, Prof. Gauci qalet li hu jinsab f’kundizzjoni tajba. Qalet li l-każijiet kollha huma f’qagħda stabbli.

Mistoqsija dwar persuni li jaħdmu f’fabbriki u siti ta’ kostruzzjoni, Prof. Gauci qalet li ngħataw rakkomandazzjonijiet fosthom li jekk persuni ma jifilħux ma jmorrux għax-xogħol. Intant, qalet li ħafna mill-kumpaniji qed jagħmlu screening, kemm għad-deni u kemm permezz ta’ questionnaire. Qalet li taw rakkomandazzjonijiet ta’ kif għandhom joħorġu għall-brejk u kif ikunu mqassmin fil-post tax-xogħol.

Dwar persuni li jkunu pożittivi u jintbagħtu d-dar, qalet li ġeneralment ikunu pazjenti li jkollhom sintomi li mhux gravi, u li jkunu ta’ min jafda u li se jsegwu l-kundizzjonijiet tal-kwarantina. Spjegat li qed isir clinical assessment u kemm persuna hi kooperattiva sabiex wieħed jiddeċiedi li dawn jintbagħtu d-dar. Qalu li jekk persuna tkun tgħix ma’ xi ħadd anzjan mela dawn ma jintbagħtux fir-residenzi.

Qalet li persuni li qed jinżammu fid-djar tagħhom qed jibqgħu jingħataw kura kuljum. Qalet li dawn jibqgħu f’kuntatt mat-tobba li jimmonitorjaw il-kundizzjonijiet tas-saħħa.

Prof. Gauci qalet li huwa diffiċli li wieħed jipponta lejn lokalità fejn l-aktar li hemm każijiet jew qed joriġinaw każijiet. Dan hekk kif Malta huwa pajjiż żgħir u l-pubbliku jivjaġġa bejn raħal u ieħor faċilment.

Mistoqsija dwar persuni li jistgħu jesperjenzaw is-solitudni minħabba l-kundizzjonijiet preżenti. Il-Prof. Gauci qalet li qed isir xogħol biex persuni li jċemplu fuq 111 fejn jistgħu jiġu mgħoddija għand psikoloġi u psikjatri skont il-ħtieġa. Qalet li qed isir xogħol sabiex ikun hemm ir-riżorsi kollha neċessarji f’dan iż-żmien.

Prof. Gauci qalet li l-pazjenti qed jikkuraw lill-pazjenti fl-isptar privat huma t-tobba li jaħdmu fl-Infectious Diseases Unit fl-Isptar Mater Dei.

Hi spjegat ukoll il-kura li qed tingħata. Qalet li din hija kura li tnaqqas l-uġigħ, bħall-paracentamol biex itaffi l-uġigħ ta’ ras.

Mistoqsija dwar it-trażmissjoni lokali, Prof. Gauci qalet li bħalissa madwar 20% tal-każi għandhom trażmissjoni lokali. Qalet li għadu kmieni, iżda l-peak tal-kiżijiet għadu ma ntlaħaqx.