Filmat: Żewġ każijiet pożittivi bil-coronavirus

Read in English.

Fl-aġġornament li tat illum dwar il-coronavirus f’Malta, il-Professur Charmaine Gauci qalet li nstabu żewġ każijiet pożittivi ta’ coronavirus kif ukoll fakkret ukoll fil-każ tas-sitt persuna li miet dalgħodu u li nstab pożittiv għall-coronavirus.

L-istatistika dwar il-każijiet tal-Covid-19 f’Malta:

  • Illum 2 każijiet oħra pożittivi
  • Total ta’ 508 każijiet pożittivi
  • 436 persuna mfejqa
  • 6 persuni mietu
  • Fadal 66 każ attiv

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Professur Gauci qalet li ż-żewġ każijiet huma ta’ tfajla ta’ 24 sena u ta’ mara ta’ 33 sena li t-tnejn kellhom kuntatti ma’ persuni li ġew ikkonfermati pożittivi għall-virus fil-jiem li għaddew.

It-tfajla Maltija ta’ 24 sena kienet fi kwarantina minħabba li tgħix ma’ persuna oħra u bdiet bis-sintomi lbieraħ. Fosthom hija kienet qed tħoss għejja, uġiegħ fil-ġogi u uġiegħ ta’ ras.

Il-mara Maltija ta’ 33 sena taħdem fl-Isptar Karen Grech. Hija ħadmet l-aħħar nhar il-Ġimgħa 8 tas’ Mejju u matul ix-xogħol tagħha kellha kuntatt ma’ persuna oħra pożittiva. L-awtoritajiet tas-saħħa qiegħdin jagħmlu l-contact tracing tal-familja ta’ din il-mara.

Filwaqt li qalet li ma hemm l-ebda persuna rikoverata fl-isptar Mater Dei minħabba l-Covid-19, għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Professur Gauci qalet li hemm sala waħda f’Mater Dei li minnha kien hemm total ta’ 30 ħaddiem ħarġu pożittivi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn