Filmat: 2 każi ġodda tal-coronavirus

Read in English.

  • 2 każi ġodda; 12 oħra jfiequ
  • 2 pazjenti jinsabu fl-ITU
  • L-ebda każi ġodda miċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far
  • F’Malta bħalissa jistgħu jiġu biss dawk li huma Maltin u jridu jiġu lura
  • 80% tal-każi f’Malta kellhom is-sintomi

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, qalet li saru 1,253 swab test u minnhom ħarġu 2 każijiet oħra pożittivi. B’kollox f’Malta nstabu 465 każ pożittiv. Intant, 12-il persuna oħra issa fiequ mill-virus, bit-total jitla’ għal 251.

Il-każi l-ġodda huma dawk ta’:

  • raġel ta’ 33 sena mis-Sudan li jgħix fil-komunità. Hu kien jgħix fl-istess post ma’ persuna oħra li nstabet pożittiva. Qalet li komplew isegwu l-kuntatti tal-persuna.
  • It-tieni każ huwa ta’ mara ta’ 29 sena mir-Rumanija, residenti Malta. Hi bdiet bis-sintomi fis-27 ta’ April. Hi ma kinitx qed tmur xogħol, imma kellha kuntatt ma’ żewġ qraba.

Qalet li issa l-każijiet ġodda qed ikunu pjuttost stabbli. B’hekk sostniet li meta l-pubbliku jisma’ u jsegwi l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa, ikun qed jgħin biex is-sitwazzjoni tibqa’ stabbli.

Prof. Gauci qalet li 80% tal-każi f’Malta kienu persuni li kellhom is-sintomi. Qalet li mbagħad 20% kienu li m’għandhomx sintomi.

Intant qalet li ma kien hemm l-ebda każi ġodda li ħarġu pożittivi miċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far fl-aħħar 24 siegħa. Stqarret li fl-isptar hemm tliet pazjenti li qegħdin fil-ward u żewġ persuni li qegħdin fl-ITU. Qalet li hemm tmien persuni l-Isptar Boffa u sitt persuni fl-Isptar San Tumas.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsija dwar fiex waslu l-għodod ġodda tal-contact tracing, Prof. Gauci qalet li l-app tal-contact tracing wieħed ikun jista’ jara kuntatti persuna kellha ma’ persuna oħra. Qalet li din l-app għadha mhux disponibbli biex tintuża. Qalet li bħalissa qed issir studju biex wieħed jara liema hu l-aħjar mezz li wieħed jikkrea u juża app tat-tip.

Dwar ir-raġel li ttieħed fl-ITU, Prof. Gauci qalet li dan kien qed jinżamm fl-Isptar Mater Dei u ttieħed fl-ITU sabiex ikun hemm aktar sorveljanza.

Dwar il-kampjonat tal-Premiere li jseħħ b’bibien magħluqa, Prof. Gauci qalet li tifhem li hawn diversi persuni akkaniti tal-football. Qalet li rnexxielna naslu s’hawn bħala pajjiż għax iddaħħlu ċertu miżuri. Qalet li wieħed ma jistax jgħid id-dati eżatt ta’ meta wieħed jista’ jneħħi l-miżuri bħal fuq football.

Intant dwar il-peak f’Malta meta esperti qed jgħidu li l-pajjiż laħaq il-peak fil-15 ta’ April, Prof. Gauci qalet li hi rat dan l-istudju. Spjegat li x’jiġri eżatt jiddependi ħafna fuq kemm il-poplu u l-awtoritajiet jimxu pass pass. Qalet li huwa importanti ħafna li l-pajjiż jibqa’ jsegwi s-sitwazzjoni.

Dwar it-trattament kliniku tal-pazjenti, Prof. Gauci qalet li l-mediċini li ġew offruti lill-pazjenti ma kinux l-istess.

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar persuni Maltin li jixtiequ li jmorru weekend break self-catering f’Malta stess, qalet li dak mhux illegali. Prof. Gauci saħqet dwar l-importanza li wieħed jibqa’ biss fil-grupp tal-familja tiegħu stess.

Intant, mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar persuni li barranin li qed jagħmlu interviews għal xogħol Malta, Prof. Gauci qalet li t-titjiriet ta’ ripatrijazzjoni huma biss għal Maltin li kienu barra minn Malta u jridu jiġu lura. Qalet li s’issa mhux permess li barranin jiġu Malta għall-ebda raġuni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn