Filmat: 7 każi ġodda wara 738 swab

Read in English.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci ħabbret li lbieraħ żdied l-iswabbing u saru 738 swab. Instabu seba’ każi ġodda, 6 trażmissjoni lokali u każ ieħor relatat ma’ safar.

Prof. Gauci qalet li l-każi ġodda kollha jinsabu f’sitwazzjoni klinika tajba. Prof. Gauci spjegat li għad hemm żewġ pazjenti li jinsabu fl-ITU, wieħed għadu fuq il-ventilator. Qalet li s-sitwazzjoni ta’ dan il-każ qed taqleb għall-aħjar filwaqt li tal-każ l-ieħor qed tiġi mmonitorjat.

Coronavirus Malta 02.04.201

Il-Professur spjegat li hemm total ta’ 10 pazjenti fl-IDU ta’ Mater Dei u 16-il każ ieħor li qiegħed fl-Isptar San Tumas. Il-bqija tal-persuni jinsabu rikoverati fi djarhom. It-total tal-każi fil-pajjiż issa tela’ għal 195 każ.

L-ewwel każ ġdid huwa ta’ mara Maltija ta’ 22 sena li kienet tiġi minn persuna li lbieraħ ġie notifikat li mar vaganza l-Marokk. It-tfajla nstabet permezz tal-contact tracing li kien qed isir b’rabta mal-każ tal-bieraħ. Il-familja kienet diġà tpoġġiet fi kwarantina.

Il-każijiet l-oħrajn kollha kienu trażmissjoni lokali. Dawn jinkludu:

  • Raġel Filippin ta’ 36 sena li ma kienx imsiefer u sa fejn jaf hu lanqas ma kellu kuntatti ma’ nies pożittivi. Beda bis-sintomi fil-25 ta’ Marzu fejn kellu d-deni u diarrhea. Hu kien mar ix-xogħol u b’hekk qed isir contact tracing. Minkejja dan hu ma kienx ikollu kuntatt ma’ ħafna persuni fuq ix-xogħol u kien jgħix biss ma’ żewġ persuni oħrajn.
  • Raġel Malti ta’ 48 sena u beda bis-sintomi fil-31 ta’ Marzu bid-diarrhea. Kien mar ix-xogħol waqt li kellu s-sintomi u b’hekk sar contact tracing li wassal sabiex 7 kollegi jintbagħtu fi kwarantina.
  • Raġel ta’ 27 sena li beda bis-sintomi fit-30 ta’ Marzu. Dan ukoll kien mar għax-xogħol u sar il-contact tracing fejn erba’ impjegati tpoġġew taħt kwarantina. Id-dar kellu persuna oħra li wkoll qiegħed fi kwarantina.
  • Mara ta’ 59 sena li kellha kuntatt ma’ żewġ każijiet oħrajn ikkonfermati mill-familja li wkoll mardu bi trażmissjoni lokali.
  • Mara Maltija ta’ 43 sena. Hi bdiet bis-sogħla fit-18 ta’ Marzu mbagħad fis-27 ta’ Marzu żviluppat id-diarrhea. Hi ma kinitx taħdem u qed isir contact tracing tal-membri tal-familja.
  • Mara Maltija ta’ 26 sena li hija healthcare worker. Hi kellha deni, griżmejha juġgħua u mneħirha jqattar. Kienet fuq il-post tax-xogħol il-ġurnata ta’ qabel u qed isir contact tracing tal-ħaddiema u l-pazjenti. L-impjegat li kienu magħha fix-shift tpoġġew fi kwarantina.

Prof. Gauci appellat sabiex kull min iħoss sintomi jċempel fuq 111 sabiex isirulhom it-testijiet. Qalet li idealment kull min iċempel fuq 111 ikun jista’ jagħti n-numru tal-mowbajl tiegħu.

Filwaqt li fil-bidu, Prof. Gauci qalet li kien hemm tmien każi ġodda ta’ coronavirus, aktar tard ikkjarifikat li t-tmien każ kien persuna li kien diġà nstab pożittiv u sarlu swabbing mill-ġdid biex jaraw jekk il-virus kienx għaddielu jew le.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsija dwar jekk hux qed isir CT Scans, Prof. Gauci qalet li kien hemm każ fejn irriżuta li persuna kienet pożittiva għal COVID-19 permezz ta’ CT Scan, li ma ħariġx pożittiv mis-swab. Skont rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dawn il-każi ma jiżdidux man-numri kkonfermati. Prof. Gauci qalet li l-importanti mhumiex in-numri imma li l-persuna tingħata l-kura li hemm bżonn u jsir ukoll contact tracing.

Intant, dwar il-posta li tasal għand il-pubbliku mill-Maltapost, is-Supretendenza għas-Saħħa Pubblika qed tikkomunika mill-qrib mal-Maltapost fejn qed ikun aċċertat li qed tinżamm l-iġjene b’mod regolari. Prof. Gauci appellat biex min jirċievi posta minn barra minn Malta, wieħed għandu jħalliha ftit fil-ġenb, sa massimu ta’ 72 siegħa, biex f’każ li jkun hemm il-virus jilħaq imut.

Mistoqsija dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa fid-dawl tal-approvazzjoni mill-Kumitat Ornis li l-kaċċa fir-rebbiegħa tista’ tibda fl-10 ta’ April, Prof. Gauci stqarret li jekk jinfetaħx l-istaġun, mhix deċiżjoni ta’ saħħa pubblika. F’dak li jirrigwarda s-saħħa pubblika, hu importanti li l-pubbliku jżomm mar-rakkomandazzjonijiet tas-social distancing. Fl-istess waqt appellat biex wieħed jillimita t-traġitt barra d-dar għall-aktar affarijiet bżonjużi.

Dwar lilbies ta’ maskri fi spazji pubbliċi, spjegat li Malta qed issegwi l-pariri tal-WHO u anke tistudja s-sitwazzjoni f’pajjiżi oħra, dwar dak relatat mal-impatt li jħalli l-użu ta’ maskri fil-pubbliku.

Fejn jidħlu ittri li waslu għand il-qraba ta’ persuni li ilhom li mietu, anke madwar 30 sena, Prof. Gauci spjegat li dawn l-ittri nħarġu mid-database tal-Gvern u mid-database tal-mediċini. Minkejja li ppruvaw inaddfu l-lista minn dawk li mietu, “għad hemm xi nies li mietu u għadhom fis-sistemi. Niskużaw ruħna għal dawk li setgħu rċevew xi ittra u nitolbuhom jagħmlu kuntatt mar-Reġistru Pubbliku biex jiġu emendati d-dettalji”.

Mistoqsija dwar il-curve tal-coronavirus f’Malta meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra: “Telgħin ‘il bil-mod il-mod bħalma hu mistenni. Tajjeb li tibqa’ tiela’ bil-mod u ma jkunx hemm żieda f’daqqa, u b’hekk inkunu nistgħu nżommu n-numri baxxi għax b’hekk inkunu nistgħu nagħtuhom il-kura meħtieġa mingħajr problemi” – Prof. Gauci

Dwar x’jiġri meta impjegat jimrad bil-coronavirus u jmur għax-xogħol, Prof. Gauci qalet li jsir il-contact tracing u risk assesment ta’ kemm nies kienu esposti għal dak l-impjegat waqt li kellu s-sintomi. Jittieħdu miżuri addizzjonali, hekk kif jaraw min kellu kuntatt miegħu anke ġurnata qabel, u jsir it-tindif meħtieġ. Dwar kumpanija partikolari, ħdimna bl-istess mod, imma ma kienx hemm għalfejn li jingħalaq il-post tax-xogħol.

Prof Gauci qalet li bħalissa jkun hemm persuni li jkollhom sintomi ta’ allerġija u rjiħat normali. Qalet li jekk wieħed iħoss li s-sintomi li qed iħoss huma differenti minn dawk tas-soltu, iċempel fuq 111.

Mistoqsija dwar iż-żieda fil-kapaċità tal-laboratorji tal-iswabs biex ikunu jistgħu jsiru mat-800, Prof. Gauci qalet li l-għan huwa li dejjem jiżdiedu l-iswabs. Qalet li iżjed ma jsir testing, iktar jistgħu jinqabdu persuni li jkunu pożittivi.

Prof. Gauci qalet li dawk il-persuni li joħorġu pożitivvi m’għandhomx ikollhom timbru. Sostniet li dan huwa virus bħal kull virus ieħor u b’hekk m’għandhiex tinħoloq stigma madwar dawn il-persuni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn