Filmat: 13-il każ ġdid tal-coronavirus

Read in English.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, qalet li nstabu 13-il każ ġdid tal-coronavirus f’Malta. Dan wara li saru 563 swab oħra. B’hekk issa f’Malta hawn total ta’ 169 każ tal-coronavirus. B’kollox fil-pajjiż saru total ta’ 6,934 swab test.

Filwaqt li tmienja mill-każi kienu relatati ma’ trażmissjoni lokali, il-ħamsa l-oħra kienu relatati ma’ safar. Prof. Gauci qalet li l-kundizzjoni tat-13-il persuna ġdida pożittivi għall-virus hija waħda tajba.

Coronavirus Malta -31.03.201

 

Każi ta’ trażmissjoni lokali

Il-Professur Gauci qalet li hemm sitwazzjoni fejn ħamsa mill-każijiet il-ġodda kienu kollha relatati ma’ każ ieħor li ħareġ qabel. Dan kien każ ta’ persuna li kellu l-bidu tas-sintomi, iżda minkejja dan kien baqa’ jmur għax-xogħol. Qalet li parti mill-contact tracing wasslet sabiex jinstabu tliet persuni fuq il-post tax-xogħol li rriżulta li kellhom sintomi u nstabu pożittivi. Kien hemm ukoll żewġ persuni oħra qraba ta’ dawn il-ħaddiema.

Prof. Gauci qalet li dan kien trażmissjoni tat-tieni ġenerazzjoni. Dan ifisser li kien hemm persuna li bdiet bis-sintomi, għaddietu lil persuna oħra, imbagħad it-tieni persuna għaddietu lil persuna oħra.

Dawn il-ħames każijiet kienu jinvolvu mara Maltija ta’ 30 sena, li bdiet bis-sintomi fl-25 ta’ Marzu, mara Maltija ta’ 26 sena li bdiet bis-sintomi fl-20 ta’ Marzu, mara ta’ 43 sena li bdiet bis-sintomi fil-25 ta’ Marzu wkoll. Magħhom kien hemm raġel ta’ 41 sena u mara ta’ 27 sena.

Spjegat li każ ieħor instab li huma l-ġenituri ta’ wieħed mill-każijiet pożittivi tal-coronavirus mardu wkoll. Dawn huma mara ta’ 72 sena u raġel ta’ 75 sena. Il-kundizzjoni medika tagħhom hija tajba. Dawn ma kinux ħarġu u ma kellhomx kuntatti ma’ persuni oħrajn.

L-aħħar każ ta’ trażmissjoni lokali li tkellmet fuqu Prof. Gauci huwa dak ta’ tifla Maltija ta’ tmien snin. Din hija bint mara li kienet ħarġet pożittiva qabel. It-tifla bdiet bis-sintomi fis-17 ta’ Marzu.

Każi marbutin ma’ safar

Intant, fejn jidħlu każijiet ta’ safar, Prof. Gauci qalet li l-aktar każi jidher li ġejjin minn safar mill-Ingilterra.

Semmiet li hemm każ ta’ żewġ aħwa, wieħed ta’ 19-il sena u l-ieħor ta’ 21 sena li kienu ġejjin mill-Ingilterra. Dawn jgħixu l-Ingilterra imma għandhom il-qraba tagħhom li jgħixu hawn Malta. Huma ġew lura Malta fit-18 ta’ Marzu. Wieħed beda bis-sintomi fid-19 ta’ Marzu u l-ieħor fil-25 ta’ Marzu. Dawn kienu fi kwarantina u b’hekk m’affettwawx nies oħrajn. Minkejja dan qed isir contact tracing tal-persuni li kienu fuq it-titjira.

Kien hemm żewġ każijiet oħrajn relatati ma safar, żewġ irġiel ta’ 21 u 24 sena. Dawn huma relatati ma’ każ ieħor preċedenti. B’hekk issa hemm cluster ta’ tlieta. Dawn kienu ġejjin lura mill-Ingilterra. Qed isir contact tracing fuq it-titjira hekk kif is-sintomi bdew fl-24 ta’ Marzu, pero wieħed minnhom qal li kellu sintomi ħfief mill-għada li ġie lura minn barra.

Każ ieħor huwa dak ta’ mara ta’ 48 sena li kienet marret il-Marokk. Din kienet fl-istess tour ta’ każ ieħor li nstab li kien pożittiv għall-virus wara li ġie lura mill-Marokk aktar kmieni.

Il-Professur Gauci sostniet li hemm bżonn li jkun hemm social distancing u b’hekk inħass il-bżonn li jiġu imposti multi fuq dawk li jiltaqgħu fi gruppi ta’ tlieta jew aktar. Dan sakemm ma jkunux ġejjin mill-istess dar.

Hi appellat mill-ġdid, li minkejja li llum festa u ħarġet ġurnata sabiħa, kulħadd għandu jagħmel dak kollu li jista’ biex jibqa’ d-dar.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Dwar l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa, il-Prof. Gauci qalet li qed isir assessment tas-sitwazzjoni biex wieħed jara għandux jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa jew le.

Mistqosija dwar kif wieħed għandu jarmi l-iskart li jista’ jkun kontaminat. Hi qalet li l-iskart ta’ persuni pożittivi, għandhom iżommu l-iskart tagħhom sa tliet ijiem. Imbagħad meta jgħaddu dawn it-tliet ijiem, għandhom ipoġġu l-iskart f’żewġ boroż.

Mistoqsija dwar is-sensittività tal-iswabs, Prof. Gauci qalet li l-maġġoranza tal-iswabs qed isiru fuq persuni sintomatiċi. Qalet imma li qed isiru wkoll swabs fuq persuni li għandhom problemi respiratorji li ma jirriżultax li għandhom influwenza.

Mistoqsija dwar iż-żewġ persuni li jinsabu fl-ITU, Prof. Gauci qalet li l-anzjan ta’ 72 sena għadu fi stat kritika. Intant, hemm raġel ieħor li qed jiġi mmonitorjat. Intant, żewġ persuni oħrajn ittellgħu lura fil-wards tal-IDU wara li ma baqgħux f’kundiżzjoni kritika.

Mistoqsija dwar il-kriterji ta’ fejn qed jitpoġġew il-pazjenti, Prof Gauci qalet li l-pazjenti qed jitqassmu fuq tliet kategoriji. Qalet li skont is-severità tal-kundizzjonijiet u s-sintomi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn