Filmat: 42 persuna bil-coronavirus fl-isptarijiet

Sptar Karin Grech - coronavirus

42 persuna li għandhom il-coronavirus bħalissa qegħdin jingħataw il-kura fl-isptarijiet f’Malta u Għawdex.

Prof. Charmaine Gauci tat l-aġġornament tagħha ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa fuq l-iżviluppi dwar il-coronavirus fil-pajjiż.

In-nies li jinsabu fl-isptarijiet qegħdin imqassmin hekk:

  • 5 persuni fl-ITU
  • 8 persuni fis-Sala tal-Mard Infettiv
  • 9 persuni fi swali oħra apposta għall-Covid-19 fl-Isptar Mater Dei
  • 7 persuni fl-Isptar Boffa
  • 10 persuni fl-Isptar San Tumas
  • 2 persuni fl-Isptar Monte Karmeli
  • Persuna waħda fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika spjegat kif f’Awwissu, fi żmien il-festa ta’ Santa Marija, żdiedu sew il-każijiet tal-coronavirus, imbagħad reġgħu naqsu, imbagħad kien hemm qabża oħra u issa donnhom reġgħu neżlin.

COVID-19 – Media Briefing – 02-10-2020

COVID-19 – Media Briefing – 02-10-2020

Posted by saħħa on Friday, October 2, 2020

Hija tkellmet fuq is-sitwazzjoni inkwetanti fid-djar tal-anzjani. L-aktar li kien hemm każijiet kien fid-Dar San Ġużepp fil-Fgura. L-istatistika hija din:

  • 127 resident u 32 ħaddiem bil-virus f’Dar San Ġużepp (il-milja ntlaħqet fil-15 ta’ Settembru imma issa qed jonqsu l-każijiet)
  • 15-il resident f’Tas-Simblija
  • 35 resident f’Casa Antonia
  • 3 każijiet f’Casa San Paolo: 2 fiequ u pazjent ieħor ittieħed l-Isptar San Tumas, allura issa m’hemmx każijiet attivi
  • 3 każijiet ġo San Ġużepp Sala 10 f’San Vinċenz de Paule din il-ġimgħa; is-sala ngħalqet u r-residenti tqiegħdu f’iżolament.
L-aġġornamenti ta’ Dar San Ġużepp dwar ir-residenti li fiequ
Dar San Ġużepp tgħid li fiequ 7 persuni oħra mill-coronavirus

Prof. Gauci qalet li kien hemm għadd sostanzjali ta’ każijiet sporadiċi, imma fil-maġġoranza tal-każijiet isibu l-oriġini tagħhom. L-aktar każijiet li kien hemm dil-ġimgħa kienu dawk ta’ membri tal-familja ta’ persuni bil-virus, 21 każ. 19-il każ kienu ġejjin minn attivitajiet soċjali li jvarjaw bejn dawk tal-familja, tal-ħbieb u tax-xogħol. Qalet, iżda, li l-każijiet li jittieħdu minn fuq il-post tax-xogħol naqsu xi ftit, għax kien hemm ħamsa din il-ġimgħa.

Din il-ġimgħa kien hemm ukoll 14-il każ impurtat minn barra minn Malta, li sitt minnhom kienu ġejjin mill-pajjiżi mmarkati oranġjo. Oħrajn instabu wara li ġew Malta. Xi każijiet kienu ġejjin mir-Russja, mill-Greċja, mill-Amerka, mill-Ungerija, mis-Serbja, mill-Awstrija u mill-Italja.

X’qalet aktar Prof. Gauci?

  • F’Għawdex hemm 23 każ attiv tal-coronavirus
  • L-età medja ta’ persuni bil-virus hi ta’ 45 sena; dil-ġimgħa l-aktar pazjenti bil-virus kienu dawk ta’ bejn 25 u 54 sena
  • Malta bl-ogħla rata ta’ mortalità fl-Ewropa
  • L-aktar li mietu dawk li għandhom bejn 85 u 94 sena
  • 14-il każ fost l-immigranti: 7 fiċ-Ċentru tal-Marsa u 7 f’Ħal Far
  • Multi għal nies bla maskra: 129 mill-1,399 spezzjoni mill-Uffiċjali tas-Sanità (apparti mill-ispezzjonijiet li jsiru mil-LESA u minn Transport Malta)
  • Multi għall-ksur tal-kwarantina: 40 persuna bil-virus jew il-familji tagħhom, 191 persuna li kienu kwarantina minħabba l-contact tracing. Dawn minn 60,654 spezzjoni.

Illum tħabbru s-36 u s-37 mewta bil-coronavirus, dawk ta’ żewġ anzjani rġiel, wieħed ta’ 90 sena u l-ieħor ta’ 78 sena. Huma kienu qegħdin jiksbu kura għall-virus fl-Isptar Mater Dei. Il-Ministeru tas-Saħħa qal li kellhom kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri apparti l-virus.

Id-dettalji fuq l-aħħar imwiet
Żewġ imwiet oħra bil-Covid-19