Filmat: Dakinhar tal-Għid kellna 5 ħidmiet ta’ salvataġġ – PM

Read in English.

LIVE: Il-PM wara li xehed fl-inkjesta ta' Repubblika

Posted by Newsbook.com.mt on Monday, May 4, 2020

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dakinhar tal-Għid il-Kbir, il-Forzi Armati ta’ Malta kienet għaddejja b’ħidma sħiħa bil-patrol boats kollha tagħha u wkoll l-ajruplani tagħha hekk kif kienet impenjata b’ħames ħidmiet ta’ salvataġġ.

Ftit tal-ħin qabel, Abela kien għadu kemm xehed quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li qed imexxi l-inkjesta maġisterjali fl-allegazzjonijiet ta’ sabotaġġ mill-Forzi Armati ta’ Malta fuq dgħajsa li kienet qed iġġorr fuqha 66 immigrant.

Propju wara li xehed fl-inkjesta ta’ Repubblika dwar ir-rifjut tal-Gvern li jdaħħal immigranti f’Malta minkejja li kienu jinsabu f’periklu, il-Prim Ministru Robert Abela ta l-kumment tiegħu lill-midja.

Il-ġimgħa li għaddiet, Neville Gafà kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li kien xehed bil-ġurament quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru talbu jikkordina pushback ta’ immigranti lejn il-Libja. Dan sar l-għada tal-Għid. Hu qal ukoll li ilu jagħmel dan ix-xogħol għall-Gvern fl-aħħar tliet snin, meta hu kien jaħdem f’Kastilja taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dwar il-push back, Abela sostna li assolutament ma jaqbilx li kien hemm push back. Qal li f’dak il-każ intuża bastiment privat li jsalpa b’bandiera Libjana għax l-AFM kellha ħdimiet differenti ta’ salvataġġ. Qal li fil-weekend tal-Għid, l-AFM kienet għaddejja b’ħames ħidmiet differenti biex issalva lill-immigranti. Qal li kull bastiment li jkun fl-akwati u jirċievi messaġġ li hemm dgħajsa f’periklu, għandu d-dover u d-dmir li jsalva lill-immigranti. B’hekk, il-Gvern kien talab l-għajnuna tal-bastiment tas-sajd Dar al Salam sabiex jagħmel is-salvataġġ. Abela qal li minħabba li dan kien bastiment privat li jsalpa bil-bandiera Libjana, hu rritorna lejn il-pajjiż minn fejn kien ġej oriġinarjament.

Fis-16 ta’ April, l-għaqda Repubblika għamlet rapport kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Brigadier tal-Armata Jeffrey Curmi, u l-ekwipaġġ tal-patrol boat P52. Iż-żewġ denunzji ta’ Repubblika ġew iffrimati mill-Avukati Jason Azzopardi, Paul Borg Olivier, u Andrew Borg Cardona. Repubblika talbet lill-Pulizija tinvestiga jekk Abela u Curmi humiex ħatja ta’ qtil volontarju.

“Lil Gafà ma ħallasniehx” – PM

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li lil Neville Gafà ma ħallsuhx tal-għajnuna li ta sabiex il-Gvern Malti jidħol f’kuntatt mal-awtoritajiet Libjani.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-ġimgħa li għaddiet, il-PM Robert Abela qal li l-Gvern talab lil Neville Gafà biex juża l-kuntatti tiegħu fil-Libja u mhux biex jikkordina l-ħidma tas-salvataġġ mal-immigranti.

Dwar l-involviment ta’ Neville Gafà, Abela qal li l-ingaġġ fl-OPM tiegħu intemm fit-13 ta’ Jannar. Qal li l-missjoni ta’ salvataġġ seħħet fl-Għid. Abela spjega li Gafà fil-passat kien qal li għandu kuntatt mal-awtoritajiet Libjani. Qal li l-Gvern, bil-għan li jsalva l-ħajjiet talbu jikkuntattja lill-awtoritajiet Libjani biex jassistu f’din il-ħidma. Iżda wara din l-għajnuna tiegħu, li ma tħallasx għaliha, hu ma kellu l-ebda involviment mal-ħidma tal-Gvern.

“Bil-Captain Morgan urejna li l-Gvern lest jonora l-obbligi tiegħu”

Dwar l-immigranti li hemm fuq il-Captain Morgan, il-Prim Ministru qal li jekk ingħatat xi indikazzjoni li l-Gvern mhux se jonora l-obbligi tiegħu, din id-deċiżjoni wriet li dan mhux minnu. Insista li qatt ma ttieħdet deċiżjoni mill-gvern li tfixkel u twaqqaf il-koordinament ta’ salvataġġ. Qal li dawn huma obbligi bla distinzjoni.

Qal li nhar il-Ġimgħa kellu diskussjoni twila mal-President tal-Kummissjoni Ewropea fejn insista li trid tintlaħaq soluzzjoni Ewropea qabel ma dawn l-immigranti abbord Europa II jiddaħħlu Malta. Qal li l-Kummissjoni Ewropea riedet li dawn jiddaħħlu u mbagħad tinstab soluzzjoni. Qal iżda li din mhix konformi mal-pożizzjoni tal-Gvern.

Filmat: Miguela Xuereb