Filmat: Kulħadd qed jistenna sena tajba? Inkellmu lil Bjorn

Il-programm ta' nhar ta' Sibt filgħodu fuq RTK 103FM se jirritorna llum bi programm iddedikat għas-sena 2018 u dak kollu li qegħdin nistennew minnha. 
"Ngħatajt l-HIV apposta"
Fl-ewwel parti tal-programm se nitkellmu fuq storja xokkanti fejn persuna li allegatament ngħata l-marda tal-HIV apposta. F'intervista li tat din il-persuna insegwu dak kollu li għaddejja minnu. Fid-dawl ta' dan, nitkellmu ma' infermiera speċjalizzata fl-HIV dwar il-kura u l-attenzjoni li tingħata lill-pazjenti tal-HIV. 
Jitkellem Bjorn – live waqt Newsline
Bjorn Formosa mill-Fondazzjoni ALS, u li fl-aħħar jiem kien fl-aħbarijiet hekk kif qed iħoss li riesaq lejn it-tmiem, se jitkellem live waqt il-programm. 
X'qed tistenna Malta fl-2018?
Mill-aspett soċjoloġiku se nitkellmu ma' Dr David Zammit u Maria Brown dwar l-iżviluppi li wieħed qiegħed jistenna f'Malta matul l-2018. X'sinjali tistenna li jispikkaw fil-kultura matul din is-sena? Din il-mistoqsija iweġbuha wkoll Daniel Darmanin, il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, u l-Ekonomista Dr Philip von Brockdorff, mill-aspett rispettiv tagħhom. 
L-influwenza? Twieġeb Dr Charmaine Gauci
Fl-aħħar parti tal-programm niddiskutu dak li huwa fuq fomm kulħadd bħalissa: l-influwenza. Insegwu intervista ma' Dr Charmaine Gauci li tistqarr li din is-sena qed nistennew influwenza iktar qawwija. X'tip ta' viruses qed iduru? 
Segwi l-programm Newsline llum is-Sibt fl-10am fuq RTK 103FM. Jippreżenta Fr Joe Borg.