“Il-PM lest li jerħi aktar setgħat minn idejh” – Abela

Aġġornat 08:50 AM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Prim Ministru lest li jerħi aktar setgħat minn idejh.

Hu qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet wara li aktar kmieni llum tħabbret il-lista tal-karigi Ministerjali u tas-Segretarji Parlamentari. Aktar tard, il-Kabinett magħżul minn Abela ħa l-ġurament tal-ħatra.

Abela qal li l-poplu Malti issa għandu s-serħan il-moħħ li f’oqsma fejn il-pajjiż sejjer tajjeb se nkomplu jimxi ‘l quddiem. Qal li l-ġustizzja u l-governanza ġew konsolidati f’Minsiteru wieħed biex iseħħu r-riformi meħtieġa f’dan l-aspett.

Tkellem partikolarment dwar il-ħatra tal-ġudikatura fejn qal li l-Prim Ministru lest li jerħi aktar setgħat minn idejh. Qal li l-aktar ħaġa importanti hija li jkun hemm separazzjoni tal-poteri u li l-entitajiet tal-istat jitħallew jaħdmu b’mod sħiħ. Qal li ovvjament imbagħad ikunu jridu jsiru ċ-checks and balances.

Abela qal l-Kabinett li ħatar illum jagħti sinjal b’saħħtu li hemm Gvern li qed iħares lil hinn mis-sentejn u nofs tal-leġiżlatura. Qal li bil-Kabinett iffurmat, il-pajjiż se jkompli miexi fit-triq tal-istabbilità, t-tkabbir ekonomiku u serħan il-moħħ.

Semma kif hu ddeċieda li jagħti kariga fil-Kabinett lit-tliet nisa fil-Grupp parlamentari. Qal li bil-ħatra tagħhom irid jibgħat sinjal ċar li dan il-kabinett għandu f’moħħu r-riformi, speċjalment fejn tidħol l-ugwaljanza.

Mistoqsi dwar id-deliberazzjonijiet ta’ kif wasal għall-konklużjonijiet tiegħu biex jaħtar ċertu persuni u jeskludi oħrajn mill-Kabinett, hu qal li dawn mhux affarijiet li se jiddiskuti u d-deliberazzjonijiet se jżommhom għalih. Dwar il-persuni li nbidlitilhom il-kariga tagħhom, hu qal li dan ma sarx għax huma ma kinux qed jaqdu dmirhom sew, imma għax hija xi ħaġa tajba li jkollok uċuh differenti. Irrimarka li l-Kabinett tiegħu huwa l-aktar wieħed effiċjenti.

Abela spjega li fl-aħħar ġimgħat il-ħidma tal-Gvern naqset naqra minħabba dak kollu li kien qed jiġri. Qal li waħda mill-akbar prijoritajiet f’dan iż-żmien huwa l-ambjent.

Abela insisita li l-Gvern preċedenti għadda minn diffikultajiet li jgħaddi minnhom kull Gvern. Qal li l-Gvern li ma jgħaddix minn diffikultajiet huwa Gvern li ma jagħmel xejn. Insista li hemm bżonn tkabbir ekonomiku b’saħħtu biex il-poplu jkollu ħajja aħjar.

Qal li meta wasal għall-formazzjoni ta’ dan il-kabinett, kien aktar jagħmel sens li l-Air Malta tkun amalgamata mal-Ministeru tal-Ekonomija milli mat-Turiżmu.

Dwar il-positions of trust, Abela qal li jrid jara li l-persuni li jkunu impjegati fil-Ministeri jkunu limitati għan-numru li verament ikollu bżonn il-Ministeru.