Filmat: Għid ma’ min sar il-pjan tal-migrazzjoni – Delia lil Muscat

Ian Noel Pace

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-PN se jibqa’ jappoġġja lill-Gvern dwar is-sitwazzjoni tal-bastiment Lifeline, iżda qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jkun aktar trasparenti u jgħid jekk il-ftehim li hemm mal-Italja dwar il-migrazzjoni saritx mal-istat jew inkella mal-eks Prim Ministru Taljan Matteo Renzi.

Delia qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet mill-Partit Nazzjonalista wara l-konferenza li ġiet organizzata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Adrian Delia qal li jekk il-ftehim ma sarx mal-istat hemm ċans li jaqa’ biċċiet minħabba l-bidla fil-Gvern Taljan. Enfasizza li kien hemm bżonn li Muscat ikun ċar fi kliemu għax inkella Malta ma tkunx tista’ tifformola pjan fit-tul.

Delia stqarr li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkompli tappoġġja lill-Gvern dwar is-sitwazzjoni tal-bastiment Lifeline sakemm il-Gvern jimxi mal-liġijiet.

Delia semma li għandu dubji dwar jekk l-infrastruttura ta’ Malta tiflaħx għal dan l-influss ta’ nies. Qal li Malta għandha tgħati l-għajnuna umanitarja kull ħin u kull mument. Stqarr li l-pjan ta’ Malta dwar l-immigrazzjoni mhux ċar. Staqsa jekk l-arranġamenti li saru humiex ta’ darba jew le.

Delia ddeskriva s-sitwazzjoni bħala problema Ewropea u mhux bħala waħda Maltija.

Aktar kmieni, il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat qal li tmien pajjiżi jinsabu lesti biex jilqgħu numru ta’ migranti li jinsbu fuq il-vapur Lifeline li mistenni jasal Malta llejla.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet internazzjonali Muscat qal li l-pajjiżi li qed jieħdu sehem f’dawn l-arranġamenti huma Malta, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Portugal, in-Netherlands, u l-Belġju.