Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia insista li m’għandu l-ebda intenzjoni li jirriżenja minn Kap tal-Partit u minn Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet li saret ftit wara li l-Grupp Parlamentari vvota b’mod sigriet kontra li Dr Delia jibqa’ kap tal-PN. 19 il-MP ivvutaw kontrih filwaqt li 11 ivvutaw favur.
It-tmexxija tal-partit minn Adrian Delia li ilha tiġi diskussa, fl-aħħar jiem kompliet tiġi kompromessa minn storja żvelata fuq The Sunday Times of Malta, li Adrian Delia kellu chats privati fuq Whatsapp ma’ Yorgen Fenech li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu, Dr Adrian Delia stqarr li hu jirrispetta d-deċiżjoni tal-MPs imma insista li hu se jibqa’ jservi lilll-Partit Nazzjonalista bħala kap għal leġiżlatura sħiħa, hekk kif għażlu t-tesserati. “Jien nirrispetta l-vot li ttieħed, imma nirrispetta wkoll il-vot tat-tesserati li fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedu min ikun il-Kap tal-partit, skont l-istatut li reġa’ ġie kkonfermat fil-25 ta’ Ġunju li għadda”, żied jgħid.
Fl-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti, Delia qal li minn għada, il-ħidma tal-partit se tkompli. Fisser li hu mhux se jaqta’ qalbu u li għadu determinat li jassigura li l-partit iservi ta’ vuċi għall-poplu. Kompla jispjega li l-MPs ma marrux għand il-President tar-Repubblika u li l-istatut tal-partit jgħid ċar u tond li l-kap tal-partit jintgħażel mill-membri tiegħu, u għalhekk se jsejjaħ laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv.
Dr Delia stqarr li fl-aħħar tliet snin rabba’ qoxra u filwaqt li jemmen fil-libertà tal-espressjoni, “aħna m’aħniex ipokriti”.
Huwa saħaq li se jkompli jiġġieled il-korruzzjoni u l-kriminalità li “ħakmet lil pajjiżna taħt Gvern Laburista”.
Adrian Delia jitlaq mid-Dar Ċentrali wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari
Rappurtaġġ Addizzjonali u Filmati: Monique Agius