Filmat: L-istituzzjonijiet qed jagħmlu xogħolhom – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-istituzzjonijiet qed jagħmlu xogħolhom b’rabta mal-każ li seħħ nhar it-Tnejn li fih mietet mara meta kkollassat id-dar tagħha.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja Abela kompla jgħid li mhux biżżejjed li l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom.

Tenna li ħatar kumitat tekniku biex jevalwa l-industrija tal-kostruzzjoni u jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Għalkemm Abela ma tax data għal meta għandu jitlesta xogħol tal-kumitat qal li jistenna li dan isir malajr kemm jista’ jkun. Qal li qed iħoss sogħba u niket b’rabta mal-każ.

Abela qal li se jkun qed jara li dak li ġara t-Tnejn li għadda ma jerġax jiġri. Spjega li huwa infurmat li l-investigazzjoni dwar il-każ hija intensiva. Qal li l-istituzzjonijiet qed jagħmlu x-xogħol tagħhom.

Il-kumitat li ħatar Abela huwa magħmul mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano, Dr Adrian Mifsud (lecturer), il-Perit Mario Cassar (espert tal-Qorti), u Dr Mark Simiana (avukat).

Oriġinarjament is-sejħa għall-konferenza kienet għas-2pm, iżda d-Dipartiment tal-Informazzjoni wara ftit ikkomunika bdil fil-ħin. Fis-sejħa għall-midja s-suġġett ma kienx ikkomunikat.

Abela se jagħmel riforma tar-riforma – Delia

F’reazzjoni għall-konferenza ta’ Abela, il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li deher ċar li l-kriżi li tinsab fiha l-indusrija tal-bini żġur li ma ġietx riżolta bir-regolamenti li kienu daħlu b’mod mgħaġġel f’Lulju tas-sena li għaddiet.

“Tant huwa hekk li l-Prim Ministru issa deherlu li kellu jwaqqaf kumitat tekniku ieħor sabiex jagħmel riforma tar-riforma li kienet saret f’Lulju tal-2019. Dan huwa ċar li dik ir-riforma li kienet saret taħt il-Ministru Ian Borg kienet falliment. Kieku l-Gvern ma qagħadx ikaxkar saqajh tmien xhur sħaħ biex jimplimenta d-diversi rakkomandazzjonijiet li saru minn diversi stakeholders kif ukoll mill-Oppożizzjoni, waqt il-perjodu qasir ta’ konsultazzjoni, meta ġiet imnedija l-Avviż Legali traġedja bħal dik tat-Tnejn li għadda jaf setgħet tiġi evitata,” qal Delia f’diskors li xxandar fuq l-istazzjoni tal-PN, NET.

 “Il-Prim Ministru llum qalilna li l-liġijiet fl-istess ħin u nifs li jrid ibiddilhom huma tajbin diġà, qalilna wkoll fl-istess nifs li hu stess imħasseb għax biswit ir-residenza tiegħu se jsir żvilupp. F’pajjiż normali jsir l-iżvilupp iżda r-residenzi u l-ġirien m’ghandhomx ikunu mħassbin għax għandu jkollhom il-konfort li l-Gvern qed jara li l-awtoritajiet jaraw li x-xogħol isir sew,” qal Delia.

“Inutli li l-Gvern iwaħħal f’kulħadd ħlief jerfa’ r-responsabbiltà hu, ejja nibdew billi tintrefa r-responsabbiltà politika din trid intrefa minnufih mill-Ministru Ian Borg,” temm jgħid Delia.

Hemm bżonn multi akbar għall-iżviluppaturi u l-kuntratturi, skont in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN). Fi stqarrija, is-CSN qal li hu rrabjat lejn il-kundizzjonijiet li fihom mietet Miriam Pace t-Tnejn li għadda fil-Ħamrun. Is-CSN qalet li qed toffri lista ta’ proposti li għandhom jiġu diskussi f’konsultazzjoni pubblika biex ma jerġax isir xi incident simili.

Aktar dettalji dalwaqt