Filmat: Budget 2018: “Ta biss, ma ħa xejn” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li m’hemm bżonn ta’ ebda kalkulazzjonijiet għal dal-budget, għax ta biss u ma ħa xejn mingħand il-poplu.
Waqt il-kummenti li ta lill-midja wara d-diskors tal-budget mill-Ministru għall-Finanzi, Dr Muscat irrimarka li kulħadd jista’ jara kif intuża u fejn intefaq is-surplus miksub mill-Gvern.
Muscat tkellem dwar diversi punti tal-Baġit fosthom miżuri tal-akkomodazzjoni soċjali u t-trasport għaż-żgħażagħ. Qal li għall-karozzi, il-pjan hu li dawk tradizzjonali jibdew jinqatgħu u jibdew jintużaw dawk tal-elettriku. Barra minn dan, qal li fil-Baġit, ġew proposti diversi ideat innovattivi. Apparti minn hekk, semma kif se jitħabbru aktar miżuri waqt id-diskussjonijiet fil-Parlament fil-futur.
Fi kliem Muscat, il-pjan tal-Gvern Laburista qed jaħdem u li Malta qed tesperjenza sitwazzjoni ekonomika unika.

Indirizza l-konferenza wkoll il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna li rrimarka kif Malta se tespandi l-ekonomija tagħha fil-qasam tal-medical tourism, cryptocurrencies u t-teknoloġija blockchain. 
Newsbook.com.mt staqsa lill-Prim Ministru dwar il-proposta tal-fliexken tal-plastik li se jibdew jinġabru u jingħataw rifużjoni fuqhom lill-konsumaturi. Qal li se jinħareġ tender għall-kumpaniji biex isseħħ din il-proposta. Skont Muscat, din il-miżura se tnaqqas l-ammont ta' tniġġis f'Malta. 

Ritratt: DOI – Jason Borg