Ristoranti f’Malta se jkunu qed jarmu eluf f’ikel li mhux se jkun jista’ jintuża, skont id-Deputat tal-PN Hermann Schiavone.
Schiavone qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista (PN) dwar l-imxija tal-coronavirus. Din ixxandret mid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà.
Il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo qal li l-Gvern qed ikun reattiv fil-miżuri li qed jieħu. Spejga li hemm ħafna negozji li qed jgħalqu.
Fid-diskors tiegħu Arrigo akkuża lill-Gvern li huwa kontra n-negozji. Qal li l-Gvern ma ħariġx b’inċentivi serji dwar kif il-ħaddiema se jinżammu fuq il-post tax-xogħol.
Id-Deputat tal-PN Herman Schiavone qal li ħafna ristoranti se jkollhom jarmu eluf ta’ ewro f’ikel li mhux se jkunu jistgħu jużaw jew jiffriżaw. Appella lill-Gvern biex iħallas 50% tal-pagi tal-ħaddiema f’dan is-settur. Qal li l-Gvern m’għandux jiġbor ħlas għal-liċenzji u għall-kontribuzzjonijiet fid-dawl tas-sitwazzjoni.
L-MP tal-PN Ryan Callus ikkundanna l-kummenti tal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri li qal li ħaddiema barranin li jitilfu x-xogħol tagħhom għandhom jitilqu minn Malta. Callus tenna li l-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tal-pagi tal-ħaddiema.
Arrigo qal li l-Oppożizzjoni ressqet proposti konkreti biex nevitaw iktar telfien ta’ impjiegi billi nagħtu sapport lin-negozji. In-negozji jeħtieġ li jkollhom l-ossiġenu sabiex joperaw u mhux iġorru l-piż waħedhom. Il-proposti jinkludu:
- Li l-quarantine leave għandha titħallas kollha mill-Gvern.
- Il-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tas-salarji illi jiġu capped wara li ssir konsultazzjoni mal-Korpi Kostitwiti ħalli b’hekk nassiguraw illi ma jkunx hemm sensji bla bżonn
- Il-Gvern għandu jidħol hu mas-settur bankarju, illi diġà nafu li teżisti likwidità kbira fil-banek tagħna, li naslu għal arranġament biex jiġu posposti l-ħlasijiet fuq il-faċilitajiet tas-self.
- Fl-istess ħin jinħoloq pakkett ta’ self ġdid għal min jeħtieġlu, fejn il-Gvern jagħmel tajjeb bħala garanzija ħalli b’hekk l-ewwel xhur ikun hemm moratorju tal-ħlas u r-rati tal-imgħax ikun l-inqas possibbli.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista trid ukoll it-tnaqqis temporanju ta’ 50% fit-tariffi tad-dawl u l-ilma għan-negozji u kull dar u eżenzjoni temporanja tal-kontijiet tal-postijiet li jipprovdu l-ikel.
Bandiera Maltija fuq il-każini tal-PN – Francis Zammit Dimech
Intant, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti direttiva biex fuq id-Dar Ċentrali kif ukoll fuq il-każini kollha tal-istess partit, b’effett minn għada l-Ħamis, tittajjar il-bandiera Maltija. Din id-direttiva tibqa’ fis-seħħ anke wara għada.
Is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci ħabbret li fl-aħħar sigħat ġew ikkonfermati 10 każijiet oħra ta’ coronavirus f’Malta. B’hekk it-total ta’ każi f’Malta issa tela’ għal 48.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.