Filmat: L-għalliema bi strajk għal jumejn

Aġġornat 11:13 AM
MUT quddiem Kastilja - strajk għalliema
  • L-MUT tiddikjara strike ta’ jumejn għall-għalliema kollha tal-iskejjel tal-Istat
  • Il-UPE tappoġġja d-direttivi tal-MUT
  • L-MUT tallega li l-Gvern qiegħed juża lill-kapijiet tal-iskejjel biex ma jseħħx l-istrike
  • Il-Gvern isejjaħ l-azzjoni tal-MUT illeġittima

Posted by Newsbook.com.mt on Wednesday, January 6, 2021

L-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) iddikjarat strajk, wara “li l-Prim Ministru ma aċċettax li dawn il-jumejn il-lezzjonijiet isiru online bħalma se jagħmlu l-iskejjel tal-Knisja”. Dan l-istrajk qiegħed jiġi appoġġjat ukoll mill-Unjon tal-Edukaturi Professjonisti (UPE).

Il-President tal-MUT Marco Bonnici indirizza lill-midja wara laqgħa f’Kastilja mal-Prim Ministru, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Awtoritajiet tas-Saħħa. Huwa ħabbar azzjoni industrijali għall-iskejjel tal-Gvern għall-jumejn li ġejjin.

Bonnici spjega li l-Gvern baqa’ tal-fehma li għada jinfetħu l-iskejjel minkejja ż-żieda fil-każijiet u għalhekk kien fl-obbligu tal-unjin li tiddikjara dan l-istrajk. Saħaq li l-avviż li l-Gvern ingħata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa ġie injorat u li mhux aċċettabbli li titpoġġa fil-periklu s-saħħa tat-tfal, l-għalliema u l-familji tagħhom.  

Kompla jgħid li dan l-istrajk ma japplikax għall-iskejjel li aktar kmieni ddikjaraw li se jkunu qegħdin iwasslu t-tagħlim online jiġifieri l-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti.  

Il-President tal-MUT qal li se tkun qiegħda tagħti iktar dettalji fil-jiem li ġejjin hekk kif din is-sitwazzjoni għadha qiegħda tiżviluppa. 

Il-UPE tappoġġja d-direttivi tal-MUT

Fi stqarrija l-UPE qalet li se tkun qiegħda tappoġġja lill-MUT u għalhekk l-professjonisti li huma msieħba f’din il-Unjin se jkunu qegħdin isegwu l-istess azzjonijiet industrijali. Huma qalu li minkejja li fil-gżejjer Maltin in-numru ta’ każijiet qiegħed jiżdied il-Gvern ma jridx jisma’ mir-rakkomandazzjonijiet tal-Unjin sabiex jiġu salvagwardjati l-għalliema, it-tfal u l-familji tagħhom.

Diversi għalliema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li jinsabu insulentati għal mod kif il-Gvern qiegħed iqishom bħala persuni li xogħolhom huwa li jieħdu ħsieb itfal u mhux bħala professjonisti tal-edukazzjoni. Żiedu li l-proposta tal-MUT kienet li t-tagħlim f’dawn il-jumejn isir xorta, iżda online, madankollu l-Prim Ministru qal li jekk isir online dawn l-għalliema mhux se jitħallsu, għal kuntrarju ta’ dak li se jkun qiegħed isir fl-iskejjel tal-Knisja. Komplew li l-prijorità tal-Gvern hi li jkollu nies preżenti fiżikament biex jieħdu ħsieb it-tfal u mhux it-tagħlim.

L-MUT tallega li l-Gvern qiegħed juża lill-kapijiet tal-iskejjel biex ma jseħħx l-istrike

Fi stqarrija li ġiet ippubblikata fid-8.58pm, il-Unjin tal-Għalliema qalet li tinsab ifurmata li l-Ministeru qabbad lill-Prinċipali tal-Iskejjel tal-Istat biex jordnaw lill-kapijiet tal-iskejjel ma jobdux l-istrajk.

Il-Gvern isejjaħ l-azzjoni tal-MUT illeġittima

Fi stqarrija l-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li l-Gvern qiegħed jimxi mal-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex għada l-iskejjel jinfetħu kif ippjanat u d-deċiżjoni tal-MUT hija illeġittima.

Huma spjegaw kif waqt il-laqgħa bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema f’Kastilja, ir-rappreżentanti tal-għalliema kellhom l-opportunità li jisimgħu b’mod dirett lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, tgħidilhom illi l-awtoritajiet tal-edukazzjoni u tas-saħħa qed jaħdmu flimkien biex jinfetħu l-iskejjel u dan imur kontra dak li qalet il-unjin.

Temmew li għall-Gvern l-edukazzjoni tat-tfal hija prijorità kif inhi s-saħħa pubblika, u d-deċiżjonijiet kollha jittieħdu fl-interess tat-tfal. Żiedu li d-deċiżjoni tal-MUT li tinjora l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa hija meqjusa bħala waħda mhux leġittima u għalhekk saħqu li meta għada jinfetħu l-iskejjel, l-għalliema huma mistennija jirrapportaw fl-iskejjel b’mod normali u jonoraw l-obbligi tax-xogħol tagħhom.

L-MCAST u l-ITS mhux se jkunu parti minn dan l-istrajk

L-MUT qalet li ġew infurmati li l-ITS f’dawn il-jumejn se tkun qiegħda tagħmel il-lezzjonijiet kollha online u għalhekk mhux se jkunu parti minn dan l-istrajk.

Il-Prinċipal tal-MCAST informa lill-istudenti li l-lezzjonijet tal-Ħamis u l-Ġimgħa se jkunu qegħdin isiru kollha online u għalhekk id-direttivi li tħabbru llum mhux se jkunu qed jaffettwaw lill-Istitut.

Dalgħodu, kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni kkonferma ma’ Newsbook.com.mt dalgħodu stess li l-pjan hu li l-iskejjel jiftħu għada bl-istess miżuri li kien hemm fis-seħħ sa qabel il-vaganzi tal-Milied.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li minkejja li nbidel il-Ministeru għall-Edukazzjoni, “l-attitudni tal-Gvern ma tinbidilx”. Esprima solidarjetà mal-għalliema li kellhom jirrikorru għal strajk “għax il-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jinjora l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u baqa’ għaddej bl-għajta ta’ business as usual”.

Inbidel il-Ministru tal-Edukazzjoni, imma l-attitudni tal-Gvern ma tinbidilx. Dan hu tort tal-inkompetenza u l-arroganza…

Posted by Bernard Grech on Wednesday, January 6, 2021