Filmat: Delia bidel il-vot tal-Kunsill Ġenerali f’vot ta’ fiduċja u tilfu – Said

Sarah Cassar Dymond

Posted by Newsbook.com.mt on Saturday, August 1, 2020

Il-Membru Parlamentari Chris Said qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia bidel il-vot tal-Kunsill Ġenerali f’vot ta’ fiduċja u tilfu. Hu qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li segwiet immedjatament lil dik ta’ Delia wara r-riżultat li ħareġ mill-vot li ttieħed mill-Kunsill Ġenerali llum.

Fl-aħħar ħin tħabbar kif il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ddeċidew li għandha tissejjaħ elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. 659 kunsillier ivvutaw li l-PN għandu jirrikorri għal konferma tal-kap. Intant 839 Kunsillier għażlu li l-Partit Nazzjonalista għandu jmur għal Elezzjoni tal-Kap. 11-il vot kien invalidu.

L-MP Chris Said qal li d-deċiżjoni tal-Kunsilliera se twassal biex il-PN ikun f’pożizzjoni li jaqbad it-triq aħjar. Said qal li kull min għandu għal qalbu l-PN għandu jingħaqad flimkien għal elezzjoni wiegħsa.

Said qal li issa anke l-ogħla organu tal-partit bagħat messaġġ ċar lil Adrian Delia. L-appell tagħhom huwa li l-messaġġ tal-Kunsill Ġenerali ma jinjorahx.

Said qal li l-MPs jinsabu ċertu li l-entużjażmu beda jikber fl-aħħar ġimgħat u nibtet it-tama. Qal li hu jrid jara li dan l-entużjażmu jibqa’ hemm fil-ġimgħat li ġejjin. Insista li b’hekk biss il-PN ikun b’saħħtu.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Dwar “mod ġdid b’nies ġodda” ta’ Adrian Delia, Said qal li dan kien slogan diviżiv. Qal li ma kienx pjaċir tagħhom li jieħdu din it-tip ta’ deċiżjoni u jaġixxu b’dan il-mod fil-partit. Qal li l-Kap tal-Partit kien wieħed diviżiv u dan l-islogan kien ċar.

Said fakkar li Delia kien qed jinsisti b’saħħa li l-Membri tal-Kunsill Ġenerali jivvutaw favur konferma tal-Kap. Hu kkwota e-mail li Delia bagħat lill-Kunsill Ġenerali. Qal li kien Adrian Delia stess li l-vot tal-lum għamlu vot ta’ fiduċja fih.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt Said qal li l-proċess ta’ due diligence għandu fiduċja fil-persuni wara dan il-proċess. Said qal li wara l-vot tat-tesserati huma se jibqgħu leali lejn il-partit u lejn il-pajjiż.

Dwar il-vot tal-lum, Said qal li mhux faċli li jkollok partit politiku fil-pajjiż fejn ikollok żewġ terzi ta’ Grupp Parlamentari, Kumitat Eżekuttiv u issa anke l-Kunsill Ġenerali li jivvutaw b’daqshekk saħħa li jmorru għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit. Dwar jekk hu se jkunx qed jikkontesta, Said qal li hu m’għandu l-ebda intenzjoni li jikkontesta għal kap u mhux qed jagħmel dan kollu għal xi gwadann personali biex ikun elett hu bħala kap.

Dwar Delia bħala MP, Said qal li dak is-siġġu huwa tiegħu u għandu dritt jibqa’ fih. Dwar x’se jagħmlu l-MPs jekk Delia jirbaħ, Said qal li huma jridu jsalvaw lill-partit, li jsaħħuħ u li dan il-partit ikun f’pożizzjoni li jekk tiġi elezzjoni ma jmorrux b’qalb maqtugħa li l-elezzjoni se tkun mitlufa.

Dwar min aktar se jkun qed jikkontesta, Said qal li issa se jibda proċess fil-partit. Qal li hemm nies validissimi u m’għandux dubju li dawn se jiġu bil-quddiem biex joffru lilhom infushom mhux lill-PN imma lill-pajjiż. Qal li l-pajjiż għandu bżonn gvern alternattiv.