Filmat: “Il-familja tal-Malti bil-coronavirus qiegħda kwarantina”

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li l-familja tal-Malti li ġie kkonfermat bħala s-sitt każ fil-pajjiż tal-coronavirus qed tinżamm kwarantina wkoll. Dan qalitu waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar is-6 każ tal-coronavirus li tħabbar dalgħodu mill-Ministeru għas-Saħħa.

X’kienu l-punti ewlenin li ħarġu llum?

  • Ikkonfermat is-sitt każ tal-coronavirus f’Malta.
  • Ir-raġel kien imsiefer fl-Italja ma’ ibnu, ibnu ma marx skola u s’issa għadu ma żviluppa l-ebda sintomi.
  • Ir-raġel żamm lilu nniffsu fi kwarantina immedjata f’parti differenti tad-dar mill-bqija tal-familja.
  • Ir-raġel ħass is-sintomi tal-coronavirus l-għada li wasal Malta.
  • “Ma hemm l-ebda riskju li r-raġel seta’ ġie infettat bil-mikroba minn x’imkien ieħor ħlief mill-Italja”
  • Ir-raġel huwa tabib li jaħdem l-Isptar Mater Dei. Ir-raġel ma daħalx għax-xogħol minn meta wasal lura Malti.
  • Jintalab mill-ġdid ir-rispett għall-privatezza ta’ dawn il-persuni u l-familji tagħhom.
  • Titjira u katamaran ġabu Maltin lura lejn Malta. Mal-wasla tagħhom sar screening u ġew imfakkra dwar is-self quarantine.

Is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika spjegat li mar-raġel Malti kien hemm ibnu, li ma marx l-iskola minn meta waslu lura mil-Italja. Qalet li sa issa jidher li ma żviluppa l-ebda sintomi.

Saru l-investigazzjonijiet fuq il-persuna u fejn dan seta’ mar wara li ġie lura Malta. Iżda l-Prof. Gauci qalet li nstab li hu kien segwa r-regoli u għamel is-self-quarantine kif qed jitolbu l-awtoritajiet. Qalet li malli dawn wasal lura, mar id-dar tiegħu u baqa’ hemm. Qalet ukoll li mill-informazzjoni li ta lill-awtoritajiet tas-saħħa, hu kien qagħad f’parti tad-dar apparti mill-familja tiegħu.

Fl-istqarrija mibgħuta kmieni dalgħodu ġie spjegat li r-raġel Malti ttestja pożittiv għal coronavirus, li ttieħed waqt li fl-aħħar jiem kien fuq btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja. Għalhekk, bħal każijiet preċedenti, il-virus ġie impurtat mill-Italja.

Is-sintomi tar-raġel ħareġ l-għada li r-raġel ġie lura Malta minn barra. Qalet li għaldaqstant ma hemm l-ebda riskju li dan ir-raġel seta’ ġie infettat bil-mikrobu minn x’imkien ieħor ħlief mill-Italja.

Mistoqsija mill-ġurnalisti dwar il-professjoni tal-Malti, il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li r-raġel huwa tabib. Hi spjegat li l-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw li r-raġel ma daħalx għax-xogħol minħabba li huwa fil-qasam tas-saħħa u li jaħdem l-Isptar Mater Dei.

Il-Prof Gauci qalet li kull min wasal lura Malta lbieraħ permezz tat-titjiriet ta’ ripatrijazzjoni mill-Italja, intalab jagħmel kwarantina volontarja. Mistoqsija għan-numru ta’ persuni li nġibu Malta b’dan il-mod s’issa, il-Professur talbet lill-ġurnalisti jirreferu dawn il-mistoqsijiet għall-Ministeru għall-Intern.

Hi qalet ukoll li l-familja tar-raġel, ta’ ħames persuni (inkluż ir-raġel), qed tinżamm fi kwarantina wkoll. Mistoqsija kif qed isir l-infurzar fuq il-kwarantina, il-Prof. Gauci qalet li dawk kollha li jridu jkunu fuq kwarantina mandatorja għandhom il-pulizija stazzjonati quddiem il-bieb ta’ darhom biex jiġi assigurat li l-kwarantina mandatorja ssir.

Intant, il-Professur Gauci insistiet li ċertu informazzjoni dwar il-persuni ma tistax tingħata minħabba l-privatezza. Intant, talbet ukoll sabiex ħadd ma jmur ħdejn iċ-ċentri fejn qed isir l-iswabbing u jieħu filmati u ritratti għax dawk kollha li jiddaħħlu hemm huma persuni li b’xi mod jew ieħor ħassew sintomi tal-virus.