Filmat: 2 każijiet ġodda tal-coronavirus f’Malta

Read in English.

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li sabu żewġ każijiet ġodda ta’ COVID-19. B’kollox hemm disa’ każijiet f’Malta.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li ż-żewġ każijiet il-ġodda ġew minn barra. Jinkludu raġel ta’ 29 sena, barrani li jgħix u jaħdem Malta. Dan mar il-Belġju u ġie lura fid-8 ta’ Marzu. Il-pazjent kellu sintomi ta’ deni ħafif.

Skont Gauci, ir-raġel mar darba għax-xogħol meta kellu s-sintomi. Jaħdem f’kumpanija privata. Bħalissa qed isir xogħol ta’ contact tracing. Se jiġu ttraċċati nies li kienu bilqiegħda sa żewġ fillieri quddiemu u warajh fuq l-ajruplan.

Il-każ l-ieħor jinvolvi mara li siefret lejn Berlin u ġiet lura Malta minn Amsterdam. Għandha 26 sena. Skont l-awtoritajiet din il-mara tgħix f’appartament ma’ nies oħra imma kellha kuntatt minimu magħhom.

L-anzjani qed jingħataw l-parir biex jibqgħu d-dar sakemm ma jkollhomx bżonn joħorġu. Dan il-parir huwa estiz ukoll għal persuni b’mard kroniku bħall-asthma u mard tal-qalb.

Gauci qalet li se jitnieda indirizz tal-imejl dwar il-kwarantina. Kull informazzjoni li tidħol fuq dan l-indirizz tiġi trattata b’mod kunfidenzjali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn