Filmat: Appoġġja lit-tobba u ġib l-isptarijiet lura – Il-PN b’appell lill-Gvern

Read in English.

Il-PN appella lid-deputati tal-Gvern biex jappoġġjaw lit-tobba u lill-professjonisti tas-saħħa u jġibu l-isptarijiet lura għal għand il-Maltin.

Il-PN għamel dan l-appell waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-mozzjoni li se tiġi diskussa għada fil-parlament dwar il-kuntratt ma’ Steward Healthcare.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li l-Maltin qed iħallsu €180,000 lil Steward Healthcare għat-tliet sptartijiet – San Luqa, Karin Grech, u ta’ Għawdex. Skont Agius, minn dawn il-flus in-nies mhu qed jieħdu xejn lura. Qal li l-isptar San Luqa jinsab fi stat ta’ abbandun. Il-MP tal-PN Chris Said qal li Għawdex suppost kellu sptar ġdid fl-2018, liema sptar lanqas biss beda jinbena.

Il-MP tal-PN Mario de Marco ddeskriva l-kuntratt li ffirma l-Gvern bħala l-agħar eżempju ta’ public private procurement fl-istorja ta’ Malta. Il-PN ikkritika wkoll il-kuntratt iffirmat bil-moħbi li jgħid li jekk Malta tirtira mill-kuntratt trid tħallas €100 miljun f’multi. Dan anke jekk Steward ma tonorax l-obbligi tagħha.

Il-MPs tal-PN appellaw lid-deputati tal-Partit Laburista biex jappoġġjaw lill-professjonisti tas-saħħa u liċ-ċittadini Maltin u jivvutaw favur il-mozzjoni tal-oppożizzjoni. Said għamel appell speċjali lill-MPs tal-PL minn Għawdex biex jaħsbu f’din il-gżira. Qal li dawn qatt ma tkellmu kontra l-kuntratt qabel.

Skont il-PN, il-flus li Malta tiffranka minn dan il-kuntratt deskritt bħala oxxen jistgħu jiġu investiti f’diversi proġetti oħra. Intqal li kieku Malta lanqas biss kellha toħroġ sejħa għal sptar mibni mill-kontejners għall-pazjenti tal-COVID-19.

Ilbieraħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li bħala Oppożizzjoni ħabbru li se jdaħħlu mozzjoni fil-Parlament biex issir investigazzjoni dwar il-ftehim ma’ Vitals Global Healthcare. Qal li l-mozzjoni fil-Parlament ġiet ippreżentata l-ġimgħa li għaddiet u li għada se tiġi diskussa fil-Parlament.