Filmat: 8 każijiet pożittivi

Read in English.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci ħabbret li hawn 8 każijiet pożittivi ġodda ta’ coronavirus minn fost 1,041 test li saru lbieraħ.

Hija qalet li dan ir-riżultat jifforma parti mill-istrateġija tad-Dipartiment tal-Prevenzjoni tas-Saħħa li jfittex u jsib il-każijiet. Spjegat li sa mill-bidu nett b’kollox saru 17,057 testijiet. Minnhom hemm total ta’ 378 każ pożittiv.

Il-każijiet tal-lum:

  • Raġel Malti ta’ 61 sena li ġie mill-Ingilterra fid-9 ta’ April fuq repatriation flight. Fost is-sintomi li kellu waqt li kien imsiefer, huwa kellu sogħla, qtugħ ta’ nifs u għejja. Il-mara tiegħu sarilha t-test iżda ħareġ negattiv. Qed isir il-contact tracing tan-nies li kienu fuq l-istess titjira.
  • Mara Maltija ta’ 58 sena li bdiet b’uġiegħ ta’ ras u griżmejja juġgħuha fis-7 ta’ April. Hija ma kinitx qed tmur għax-xogħol. Hija taħdem ma’ familja u għaldaqstant qed isir il-contact tracing mal-familja tagħha u l-familja li taħdem magħha.
  • Malti ta’ 37 sena li beda bis-sogħla u b’imnieħer iqattar fit-8 ta’ April. Ma kienx qed jaħdem u qed issir il-contact tracing mal-familja tiegħu.
  • Mara ta’ 50 sena fid-9 ta’ April bdiet b’uġiegħ ta’ ras, sogħla, uġiegħ fi griżmejja u anke kellha d-diarrhea. Hija ma kinitx qed taħdem allura l-contact tracing qed isir mal-familja tagħha.
  • Raġel Malti 73 sena fil-5 ta’ April ħass il-muskoli juġgħuh. Ma kellux kuntatti allura dan każ iżolat.
  • Għawdxi ta’ 74 sena li kellu sintomi ħfief u ħareġ pożittiv. Il-mara tiegħu ġiet ittestjata u ħarġet negattiva.
  • Żewġ residenti fil-villaġġ ta’ Ħal Far li l-ebda minnhom ma kellhom sintomi. Iż-żewġ żgħażagħ irġiel għandhom 21 u 25 sena.

B’kollox saru 23 testijiet f’Ħal Far permezz ta’ random testing fil-villaġġ ta’ Ħal Far u l-Professur Gauci qalet li s-sitwazzjoni qed tinżamm taħt kontroll anke permezz tal-ħidma tal-voluntiera tar-Red Cross.

Hija kkonfermat dak li qal id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne dalgħodu fejn ħabbar li fiequ 28 pazjent ieħor bil-coronavirus. B’hekk it-total ta’ nies imfejqa tela’ għal 44 persuna.