Filmat: 3 każi ġodda tal-coronavirus

Charmaine-Gauci

Read in English.

LIVE: Konferenza dwar l-aħħar żviluppi tal-coronavirus f'Malta

Posted by Newsbook.com.mt on Friday, March 13, 2020

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret li fl-aħħar sigħat irriżulta li hemm tliet każijiet oħra ta’ coronavirus f’Malta: żewġt irġiel u mara, li kollha jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba. B’hekk s’issa hawn 12-il każ f’Malta.

Prof. Gauci spjegat li l-każi kollha s’issa huma impurtati u mhux trażmessi lokalment. Dawk li kellhom kuntatt magħhom qed jiġu ttestjati. Żiedet tgħid li l-midja u l-pubbliku qed jiġu infurmati meta jkollhom każi ġodda u mhux meta jagħmlu swab tests.

  • L-10 każ:  Malti ta’ 45 sena li ġie lura minn Munich fis-7 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fil-11 ta’ Marzu: qtugħ ta’ nifs u deni.  Huwa self-employed imma ma kellux kuntatt sinifikanti man-nies, ħlief ma’ tliet qraba tiegħu.
  • Il-11-il każ:  Taljan ta’ 40 sena li jgħix u jaħdem Malta. Mar Pariġi fid-29 ta’ Frar u ġie lura fis-6 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ Marzu. Jaħdem online u għaldaqstant ma kienx f’kuntatt mal-kollegi tiegħu. Malli wasal Malta hu ltaqa’ ma’ żewġ persuni li ġew ittestjati.
  • It-12-il każ: Mara ta’ 30 sena li hi care worker fis-settur tas-saħħa. Mhix infermiera. Hija marret Brussell fil-5 ta’ Marzu u ġiet lura fid-9 ta’ Marzu. Daħlet għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu. Is-sintomi ħarġulha fil-11 ta’ Marzu. Il-mara attendiet attivitajiet soċjali wara li waslet Malta. L-awtoritajiet qed jaraw ma’ min kellha kuntatt. Il-kollegi tagħha tpoġġew fi kwarantina, għalkemm ma ħarġulhomx sintomi.

Is-Superintendent Gauci qalet li waħda minn nisa li kienet pożittiva għall-COVID-19 aktar kmieni din il-ġimgħa qed tirkupra, iżda s’issa għadha tinżamm l-isptar.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk l-awtoritajiet tas-saħħa hux se jieħdu azzjoni għall-prezzijiet esaġerati tas-sanitizers, Prof. Gauci qalet li d-diskussjonijiet għaddejjin. L-istess dwar l-Iskejjel tal-Lingwi f’Malta.

Dwar il-helpline, is-Superintendent stqarret li fetaħ ċentru ieħor il-Mosta biex ikunu jistgħu jilqgħu għad-domanda qawwija u jissorveljaw is-sitwazzjoni f’Malta u f’pajjiżi oħra qrib tagħna.

Prof. Gauci semmiet li l-miżuri li tħabbru lbieraħ mill-Prim Ministru Robert Abela u enfasizzat l-importanza tan-nuqqas ta’ kuntatt soċjali u biex jiġu protetti l-iktar vulnerabbli speċjalment l-anzjani.

Każijiet ta’ Coronavirus f’Malta sal-bieraħ:

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn