Filmat: 10 affarijiet li għandek tkun taf dwar il-ftuħ tal-iskejjel

Konferenza tal-Aħbarijiet dwar il-ftuħ tal-Iskejjel għas-sena skolastika 2020-2021

Konferenza tal-Aħbarijiet dwar il-ftuħ tal-Iskejjel għas-sena skolastika 2020-2021

Posted by MaltaGov on Wednesday, September 2, 2020

Read in English.

Is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni Frank Fabri flimkien mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci taw id-dettalji dwar l-arranġamenti tal-Gvern għall-ftuħ tal-iskejjel.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet saret fl-Iskola Sekondarja ta’ Ħal Kirkop, fejn tħabbar li l-iskejjel se jiftħu madwar erba’ ġimgħat oħra. Il-linji gwida għall-iskejjel għandhom jinħarġu llum.

Fost il-miżuri għall-iskejjel hemm li:

  • L-imwejjed iridu jkunu metru u nofs ‘il bogħod minn xulxin
  • Se tittieħed it-temperatura tal-istudenti huma u deħlin fl-iskola; jekk ikollhom id-deni/sintomi, il-ġenituri jkollhom jiħduhom lura d-dar
  • Importanti li l-ġenituri jiċċekkjaw it-temperatura tat-tfal kull filgħodu
  • Saru arranġamenti biex jintużaw spazji fl-iskola biex jinbidlu fi klassijiet b’inqas studenti
  • Sistema ta’ bubbles/gruppi: idealment l-istudenti jibqgħu fi grupp wieħed u ma jitħalltux ma’ gruppi oħrajn, lanqas fil-brejk
  • Maskri: tfal ta’ inqas minn 3 snin ma jridux jilbsuhom, ta’ bejn 3 snin u 11-il sena jridu jilbsuhom xħin joħorġu mill-klassi, ta’ aktar minn 11-il sena jridu jilbsuhom il-ħin kollu
  • L-għalliema jridu jilbsu maskra jew visor il-ħin kollu
  • It-trasport b’xejn se jibqa’ jiġi offrut imma t-tfal u x-xufier iridu jilbsu maskra, u jrid ikun hemm id-distanza bejn kull tifel u tifla
  • Is-sistema tal-breakfast mhux se tibqa’ l-istess; issa t-tfal ma jitħalltux, imma jsibu l-breakfast lest u jiġbruh
  • L-iskejjel se jibdew jiftħu aktar kmieni
Sephora Francalanza

Xi ntqal eżatt?

15:20 Il-konferenza tintemm hawnhekk. Grazzi talli segwejtuna!
Sephora Francalanza
15:17 Distanza bejn l-iskrivaniji: 1.5 metru bejn student u ieħor, primarja u sekondarja. Dwar il-postsekondarja u l-Università għaddejjin id-diskussjonijiet.
Sephora Francalanza
15:17 Il-Gvern se joħroġ sejħa biex l-iskola tinfetaħ daqsxejn qabel mill-ħinijiet tas-soltu.
Sephora Francalanza
15:16 Breakfast: se titwaqqaf il-prattika li l-istudenti jitħalltu – il-breakfast ikun lest biex jinġabar.
Sephora Francalanza
15:12 LSEs: Il-linji gwida jinkludu miżuri kif dawn jistgħu jipproteġu lilhom infushom. Kemm jista' jkun ikollhom student wieħed.
Sephora Francalanza
15:11 Rigward iċ-ċokon tal-klassijiet, Dr Fabri qal li qegħdin jikkontemplaw mudelli differenti, pereżempju li l-klassi tinqasam u l-istudenti jsegwu xorta waħda.
Sephora Francalanza
15:11 Jekk ikun hemm xi każ, isir il-contact tracing mill-ewwel. Imbagħad isir risk assessment.
Sephora Francalanza
15:10 Homework: fejn jista’ jingħata b’mod virtwali, huwa inkoraġġit. Il-pitazzi u l-kotba għandhom jitħallew kwarantina.
Sephora Francalanza
15:04 Tfal li joqogħdu 'l bogħod kilometru u nofs mill-iskola huma inkoraġġiti ma jużawx it-trasport tal-iskola imma jimxuha jew iwassluhom il-ġenituri.
Sephora Francalanza
14:56 Rigward klassijiet li jaf huma żgħar wisq, se jintużaw spazji fi skejjel li mhux imdorrijin jintużaw.
Sephora Francalanza
14:56 Sekondarja: Il-klassi se ssir tat-tfal, mhux tal-għalliema, u huma jibqgħu dejjem fl-istess grupp.
Sephora Francalanza
14:53 Il-Ministeru għall-Edukazzjoni se jemenda l-policy marbuta mal-attendenza tal-istudenti. Dan qalu Dr Fabri meta ġie mistoqsi fuq studenti li jfallu l-iskola għax il-ġenituri tagħhom iħossu li mhux sigur.
Sephora Francalanza
14:53 Prof. Gauci qalet li qed jaħdmu fuq linji gwida apposta għall-kindergarten.
Sephora Francalanza
14:50 Il-pjan għal studenti vulnerabbli jew dawk b'ġenituri vulnerabbli? Pjanijiet għall-kindergartens?
Sephora Francalanza
14:50 Jibdew jistaqsu l-ġurnalisti.
Sephora Francalanza
14:49 Prof. Gauci qalet li għalhekk jeħtieġ li jkun hemm il-koperazzjoni tat-tfal u tal-iskejjel.
Sephora Francalanza
14:48 "Ladarba għadna f'sitwazzjoni ta' pandemija, hemm ċans li se jkollna l-każijiet fl-iskejjel. L-importanti hu li naqbduhom mill-ewwel."
Sephora Francalanza
14:48 It-tbegħid bejn l-istudenti fuq it-trasport huwa mħeġġeġ.
Sephora Francalanza
14:48 L-użu tal-hand sanitiser huwa nfurzat.
Sephora Francalanza
14:47 Fuq it-trasport iridu jintlibsu l-maskri mix-xufier u mill-istudenti.
Sephora Francalanza
14:47 It-twieqi għandhom jinżammu kemm jista' jkun miftuħin.
Sephora Francalanza
14:47 Trasport: il-vjaġġ għandu jkun kemm jista' jkun qasir. Għandhom jinżammu l-istess gruppi fit-trasport. Għandu jinżamm rekord ta' min jitla' fuq il-vannijiet.
Sephora Francalanza
14:46 F'kull skola għandu jkun hemm persuna waħda li l-awtoritajiet tas-saħħa jikkomunikaw magħha dwar xi każijiet tal-coronavirus li jaf ikun hemm.
Sephora Francalanza
14:46 L-għalliema jridu jilbsu maskra jew visor il-ħin kollu.
Sephora Francalanza
14:45 It-tfal t'aktar minn 11-il sena għandhom jilbsu l-maskra l-ħin kollu.
Sephora Francalanza
14:45 It-tfal ta' bejn 3 snin u 11-il sena jridu jilbsu maskra fil-kuritur jew fejn jistgħu jiltaqgħu ma' tfal oħrajn, barra mill-grupp tagħhom.
Sephora Francalanza
14:45 It-tfal ta' inqas minn 3 snin ma jridux jilbsu maskra.
Sephora Francalanza
14:44 Dan għandu jibqa' għaddej waqt il-ġurnata kollha, anke fil-brejk u anke fl-iskejjel sekondarji.
Sephora Francalanza
14:44 Punt kruċjali huwa li t-tfal dejjem jinżammu fl-istess bubble, fl-istess grupp, u ma jitħalltux ma' gruppi oħrajn.
Sephora Francalanza
14:42 Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika qalet li fil-klassijiet iridu jsiru l-isforzi kollha biex it-tfal ikollhom distanza bejniethom. In-numru ta' tfal fil-klassi għandu jinżamm żgħir kemm jista' jkun.
Sephora Francalanza
14:42 Jekk it-tfal jinstabilhom id-deni huma u deħlin l-iskola, huma jinżammu f'post fejn jieħdu ħsiebhom sakemm jiġu għalihom il-ġenituri.
Sephora Francalanza
14:41 Il-prinċipji bażiċi huma li jekk it-tfal jew il-ħaddiema ma jifilħux, dawn m'għandhomx imorru l-iskola. Qabel ma jibagħtu lit-tfal l-iskola, il-ġenituri jridu jaraw jekk it-tfal għandhomx deni jew xi sintomi tal-virus.
Sephora Francalanza
14:41 Il-miżuri qegħdin hemm biex inaqqsu ċ-ċans li jkun hemm firxa tal-coronavirus fl-iskola.
Sephora Francalanza
14:40 Il-linji gwida huma bbażati fuq l-esperjenza ta' skejjel barranin li diġà fetħu.
Sephora Francalanza
14:40 Prof. Charmaine Gauci tgħid li l-awtoritajiet kienu qegħdin isegwu l-evidenza li qed toħroġ minn pajjiżi oħrajn li diġà fetħu l-iskejjel.
Sephora Francalanza
14:39 Dr Fabri jgħid li l-policy dwar l-attendenza tat-tfal fl-iskejjel għandha tirrifletti ċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom illum.
Sephora Francalanza
14:39 Il-gwida għall-ftuħ tal-iskejjel se tiġi ppubblikata fis-sigħat li ġejjin.
Sephora Francalanza
14:38 Isemmi wkoll il-laqgħa li organizzat l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) din il-ġimgħa, li fiha pparteċipat Malta.
Sephora Francalanza
14:38 Dr Fabri jgħid li tkellmu ma' pajjiżi oħrajn biex jaraw kif dawn qegħdin iħejju għall-ftuħ tal-iskejjel.
Sephora Francalanza
14:37 Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew kienu għaddejjin laqgħat mal-imsieħba lokali, qal is-Segretarju Permanenti Dr Frank Fabri.
Sephora Francalanza
14:37 Għall-ġid tal-istudenti, importanti li l-iskola tiftaħ mill-ġdid.
Sephora Francalanza
14:36 Is-Segretarju Permanenti qal li l-iskola se tiftaħ madwar 4 ġimgħat oħra.
Sephora Francalanza
14:35 Il-konferenza se tkun indirizzata mis-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni Frank Fabri u mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.
Sephora Francalanza
14:32 Huwa mistenni li llum jitħabbru kif se jiftħu l-iskejjel u liema miżuri se jkunu implimentati.
Sephora Francalanza
14:32 Kulma ġiet infurmata l-midja dwar il-konferenza tal-lum hu li se tkun fuq il-ftuħ tal-iskejjel.
Sephora Francalanza
14:24 Il-konferenza stampa mistennija tibda minn hawn u ftit ieħor.
Sephora Francalanza
14:24 Il-waranofsinhar it-tajjeb. Nilqgħukom għal dan il-blogg live fuq il-ftuħ tal-iskejjel.
Sephora Francalanza

Din il-konferenza se ssir wara li kien hawn inċertezza kbira dwar il-ftuħ tal-iskejjel mill-ġdid minħabba l-imxija tal-coronavirus. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal kemm-il darba li l-Gvern beħsiebu jiftaħ l-iskejjel fit-28 ta’ Settembru.

Illum mistennijin jitħabbru l-miżuri li se jittieħdu la l-iskejjel jerġgħu jibdew jilqgħu l-istudenti.