Filmat: ‘Muscat manifestament implikat; għandu jirreżenja minnufih’

Il-ġurnalist u blogger Manuel Delia sostna li l-Prim Ministru huwa manifestament implikat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u għaldaqstant għandu jirriżenja minnufih. Delia kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem id-Depot ftit wara li waslet id-delegazzjoni tal-Ewroparlamentari li għadha kemm waslet Malta.

Delia spjega li Muscat qed jippresedi f’cover up. Dan wara li Muscat ħabbar li huwa se jkun qed jirriżenja biss ġaladarba jeleġew mexxej ġdid għall-Partit Laburista. Irrefera wkoll għal dak li ġie kwotat jgħid Muscat, meta Ewroparlamentari kkwotat lill-Prim Ministru jgħid li jħossu tradut mill-eks chief of staff tiegħu, Keith Schembri. Delia staqsa kif tradihom Schembri u x’għamel ħażin. Huwa qajjem il-punt li dakinhar li Schembri rriżenja, l-Prim Ministru ma kellu xejn ħlief kliem ta’ ringrazzjament għal Schembri.

Delia f’isem Repubblika spjega kif l-impunità proteġiet lil Schembri u lill-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, l-istess impunità li waslet għall-assassinju tal-ġurnalista. Sostna li għaldaqstant Muscat ma jistax ikun fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru viċin l-investigazzjoni. Iktar qabel, Repubblika kienu talbu għar-riżenja ta’ Muscat minnufih u lill-Pulizija biex jinvestigawh.

“Botti perikolużi”

Delia fid-diskors tiegħu rrefera wkoll għal numru ta’ botti li saru u saħaq li dan id-diskors qed isir biex jaqgħtu qalb dak li jkun milli jingħaqad fil-protesti. Filwaqt li sellem il-Pulizija li qed jagħmlu xogħolhom, huwa rrefera għall-messaġġ ta’ Muscat fejn uża l-kelma ‘vjolenza’ b’referenza għall-protesti paċifiċi li qed isiru li fihom qed tintalab ir-riżenja tal-Prim Ministru. Delia spjega li filwaqt li Partit Laburista qed jiċħad li qed jorganizza xi tip ta’ laqgħat tal-massa, esponenti tal-istess partit qed jorganizzaw in-nies. Huwa staqsa għalfejn l-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi uża l-laqgħa tal-bieraħ, bħala ‘meet and greet’ tiegħu personali.

Delia rrefera wkoll għad-diskors tal-Ministru tal-Intern Michael Farrugia fejn dalgħodu qal li dawk li qed jitolbu r-riżenja tal-Prim Ministru b’mod immedjat iridu jġibu l-pajjiż lura għas-snin tmenin. ‘Farrugia għandu d-dmir li jipproteġi lil min qed jipprotesta,’ saħaq Delia. Huwa semma wkoll kif tfajla ta’ 16-il sena, Eve Borg Bonello, li nhar il-Ħadd tkellmet waqt il-protesta nazzjonali spiċċat mhedda bil-mewt fuq Facebook.

Delia spjega kif l-ewwel pass fi triq tal-fejqan hi r-riżenja immedjata ta’ Muscat. Huwa sostna li l-poter huwa f’idejn il-grupp parlamentari tal-Partit Laburista, li għandu l-poter biex ineħħi l-Prim Ministru.

Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll minn Lizzie Eldrige f’isem Occupy Justice. Hi spjegat li Muscat għandu jirriżenja minnufih. Sosniet li l-uffiċċju tal-Prim Ministru ma għandux jintuża biex jiġu protetti d-delikwenti.

Protesta oħra llejla

Fl-aħħar tal-konferenza stampa, Repubblika u Occupy Justice appellaw lill-pubbliku biex jingħaqad magħhom quddiem id-Depot, fejn hi mistennija protesta oħra llejla.

Filmat: Monique Agius