Filmat: Il-Kummissarju bla tweġibiet; Uħud minn tal-FBI kienu hawn

Wara tliet ijiem ta’ silenzju minn meta seħħ l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar,  sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet. Madanakollu kważi ma wieġeb xejn għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. 
Minkejja li fil-bidu tal-konferenza l-Kummissarju qal li sejjaħ il-konferenza biex jagħti informazzjoni dwar il-każ, għall-ħafna mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Kummissarju wieġeb biss li għadha qed tinġabar l-evidenza u li ma jistax iwieġeb minħabba li ma jistax jikkomprometti l-liġi tal-inkjesti maġisterjali. 
Mhux eskluż li qed jiġu mitkellma xi persuni
Mistoqsi dwar ir-raġuni għaliex sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet, la ma wieġeb l-ebda mistoqsija dwar l-investigazzjonijiet, il-Kummissarju qal li ried jassigura lill-pubbliku li l-Pulizija qed tagħmel dak kollu li tista’. 
Meta ppresat, indika li ma jeskludix li l-Pulizija qed tkellem lil xi persuni li jistgħu jkunu involuti fil-każ.
L-awtopsja se ssir għada
Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li l-awtopsja fuq il-katavru ta’ Caruana Galizia se ssir għada.
Ir-riżorsi tal-Pulizija kollha fuq il-każ…imma l-oħrajn għadhom għaddejjin?
Mistoqsi dwar jekk l-investigazzjonijiet kriminali oħra għadhomx għaddejjin, Cutajar qal li l-investigazzjoni tal-Pulizija ma tieqaf qatt. Madanakollu fl-istess nifs qal li r-riżorsi kollha tal-Pulizija jinsabu ffukati fuq din l-investigazzjoni u wiegħed l-almu tiegħu biex isolvi l-każ. 
Erba' mill-investigaturi tal-FBI kienu diġà f'Malta
Il-Kummissarju qal li fuq ix-xena tad-delitt hemm erba’ aġenti tal-FBI. Semma kif erba’ investigaturi oħra tal-FBI kienu diġà se jiġu f’Malta f’dan il-perjodu għal taħriġ skedat dwar it-traffikar tal-bnedmin.
Se jirriżenja? 
Dwar jekk hux lest jilqa’ t-talba biex jirriżenja, fost l-oħrajn minn Matthew, iben Daphne Caruana Galizia, il-Kummissarju tal-Pulizija qal li l-fokus tiegħu bħalissa huwa li jsolvi dan il-każ. Sostna li dejjem ta l-100% tiegħu fl-40 sena li ilhom fil-Korp, taħt amministrazzjonijiet differenti. 
Dwar kif se jindirizza t-tħassib tan-nies dwar l-integrità tiegħu, minħabba li kemm-il darba kien fil-mira tal-kitba ta’ Caruana Galizia, il-Kummissarju qal biss li jiddispjaċih li qed jisma’ dan, u li ma jaħsibx li l-poplu qed jistaqsi dwar l-integrità tiegħu. 
Il-PM u l-Kap tal-Oppożizzjoni jistgħu jiġu investigati
Għall-mistoqsija dwar jekk hux se jiġu investigati dawk li kienet tikteb dwarhom Caruana Galizia, fosthom il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, id-Deputat Kummissarju Silvio Valletta qal li se jkellmu lil min ikun hemm bżonn.
Il-midja barranija diżilluża
Għall-konferenza tal-aħbarijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, kien hemm preżenti Kieran Ramsey, aġent tal-FBI, kif ukoll l-uffiċjali tal-Pulizija Maltija li qed imexxu l-investigazzjoni: Id-Deputat Kummissarju Silvio Valletta u l-Assistenti Kummissarji: Martin Sammut u Kevin Farrugia.
Għalkemm il-Kummissarju stess qal li l-konferenza se tkun indirizzata bl-Ingliż minħabba l-midja barranija, fi tliet kwarti tagħha tkellem bil-Malti. Il-midja barranija kienet diżilluża b'dan it-trattament.