Filmat: Malta bl-ogħla prezzijiet tal-fjuwil fl-UE – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li Malta għandha l-ogħla prezzijiet tal-fjuwil fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u bil-konsegwenza ta’ hekk il-Maltin qed iħallsu €0.25c kull litru aktar mill-Ewropej.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha kkwota ċifri ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Eurostat li huwa l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea. Huwa għalhekk qal li l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex b’mod immedjat iraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel bi 30ċ għal kull litru.

Huwa spjega kif il-prezz tal-petrol f’Malta huwa ta’ €1.41 kull litru filwaqt li l-medja fl-Ewropa hija ta’ €1.16 kull litru. Qal li dan ifisser li l-Maltin qed iħallsu €0.25c kull litru aktar mill-Ewropej. Dwar id-diesel, Callus qal li f’Malta qed jinbiegħ €1.28 kull litru filwaqt li fl-Unjoni Ewropea, il-medja hija ta’ €1.07 kull litru, li tfisser differenza ta’ €0,21c għall kull litru.

Callus qal li l-Partit Nazzjonalista qed jitkellem dwar din l-inġustizzja minħabba l-isfidi li l-familji Maltin qed jaffaċjaw waqt il-pandemija tal-coronavirus.

Ryan Callus, li huwa wkoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-enerġija qal li l-prezz internazzjonali taż-żejt niżel drastikament għal wieħed li huwa l-irħas fl-aħħar snin minħabba l-kriżi li ġab miegħu l-coronavirus.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll id-deputati Nazzjonalisti Toni Bezzina u Herman Schiavone.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn