Filmat: Il-preparamenti fl-isptarijiet f’Malta

Mater-Dei-ITU-coronavirus-1
Monique Agius

Read in English.

Konferenza mill-Ministru u mill-Awtoritajiet tas-Saħħa

LIVE: Konferenza mill-Ministru Chris Fearne u mill-Awtoritajiet tas-Saħħa

Posted by Newsbook.com.mt on Sunday, March 15, 2020

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li f’Malta se jkun hawn total ta’ 600 sodda li jkunu jistgħu jintużaw f’każijiet ta’ Covid-19. Dawn jinkludu soddod ġodda u sodod li ġew illiberati minħabba ċaqliq li sar fl-Isptar Mater Dei. F’Għawdex se jkun hemm 80 sodda.

Qal li l-isfida ewlenija hija l-istaff. Il-Ministru qal li l-Gvern qed jaħdem mill-qrib mal-unjins bħal MAM u l-MUMN biex jinstabu aktar professjonisti mediċi. Dwar il-Waiting List li mistennija li tikber iżda skont il-Ministru Chris Fearne din tista’ tiġi rkuprata f’sitt xhur wara li tiġi kkontrollata l-coronavirus.

Ħabbar ukoll li l-pazjenti kollha bil-Covid-19 qed jirkupraw u jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba.

Il-Ministru Chris Fearne stqarr li l-professjonisti mediċi jippreferu li jkun hemm “xmara milli tsunami” fil-każijiet ta’ coronavirus. Huwa spjega li għall-isptar aħjar jekk ikun hemm ftit pazjenti kuljum milli mitt pazjent f’daqqa u ma jkunx hemm kontroll tagħhom.

Il-Ministru Fearne qal li kull miżura li tittieħed trid tkun maħsuba għat-tul.

Preparamenti barra l-Isptar Mater Dei

  • 28 sodda bl-istaff b’kollox ġo sptar barra Mater Dei
  • L-isptar Boffa: 12-il sodda li huma ppreparati biex jilqgħu pazjenti bil-Covid-19 minn għada. Dawn se jitilgħu għal 24 matul il-ġimgħa li ġejja u total ta’ 65 sodda sa ħmistax oħra.
  • Sodod f’Mater Dei u anki barra minn Mater Dei

Kif inhu ppreparat l-Isptar Mater Dei?

  • Dipartiment tal-Emerġenza ieħor biex ikun ippreparat f’każ li jiżdiedu l-każijiet. Apparti l-Emerġenza fin-naħa tal-Punent tal-Isptar viċin l-Isptar tal-Onkoloġija, se jkun hemm oħra fil-Lvant in-naħa tal-Università.
  • Dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn operazzjoni se jiġu operati f’żewġ teatri apposta li qed jinżammu għall-pazjenti bil-Covid-19.
  • Se jiżdiedu r-riżorsi fosthom bil-ħruġ ta’ applikazzjonijiet għal xjentisti fil-laboratorji.
  • Swali tal-lezzjonijiet u l-librerija tal-iskola medika nbidlu f’wards.
  • 136 sodda ġdida u sal-aħħar ta’ dan ix-xahar se jiżdiedu għal 274.

Il-Ministru Chris Fearne tkellem ukoll dwar il-Ventilators li jintużaw għall-pazjenti fl-ITU. Huwa qal li għalkemm id-domanda tal-ventilators żdiedet madwar id-dinja kollha u m’għadx fadal fis-suq, Malta xtrat 45 Ventilator ġdid u se jaslu dalwaqt.

Spjega li kif jaslu dawn il-ventilators Malta se jkollha l-kapaċità ta’ 100 sodda għall-ITU biex tkopri popolazzjoni ta’ nofs miljun persuna. Stqarr li “ras għal ras, din hija l-akbar ITU fid-dinja”.

Preparamenti fl-ITU

  • Sa issa kien hemm 20 sodda fl-ITU.
  • Fl-aħħar xahar saru l-preparamenti biex mil-lum hemm 14-il sodda oħra bil-kapaċità li l-15-il sodda tas-CCU jiżdiedu magħhom għal total ta’ 49 sodda fl-ITU.
  • Kif jaslu l-45 ventilator ġdid ikun hemm kważi 100 sodda fl-ITU

Apparti dawn il-preparamenti, il-Ministru Chris Fearne ħabbar preparamenti oħra li qed jgħinu biex jiżdiedu s-soddod u Malta tkun aktar ippreparata

Preparamenti oħra

  • Is-sala tal-psikjatrija ċċaqalqet kompletament għall-isptar Monte Karmeli.
  • Minn għada d-Dipartiment tad-Dermatoloġija fl-Isptar Boffa se jiċaqlaq għal binja ġdida fil-Gżira
  • Fl-Out-Patients tal-Isptar Mater Dei qed jitnaqqsu l-pazjenti. Il-Ministru spjega li t-tobba qed jirrevedu l-appuntamenti wieħed wieħed biex jevalwaw l-urġenza u jipposponu appuntamenti li mhumiex urġenti.
  • Minn nhar it-Tlieta li ġej se jitwaqqfu l-operazzjonijiet li mhumiex urġenti.
  • Kull min ikollu bżonn jaħdem mal-pazjenti jista’ jħalli t-tfal f’childcare apposta dedikat għal dawn il-ġenituri.
  • Professjonisti mediċi li qed jieħdu ħsieb pazjenti bil-Covid-19 se jkollhom post ta’ kwarantina apposta biex wara x-xogħol, jekk ikunu jridu, jistgħu imorru hemm flok lura d-dar.
  • Il-Ministru Fearne qal li hemm ilbies protettiv għall-professjonisti kollha.

Aktar tard mistennija konferenza tal-aħbarijiet oħra din id-darba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa indirizzata mill-Professur Charmaine Gauci. Din tixxandar live ukoll fuq Newsbook.com.mt.