Filmat: Sena internet b’xejn fi djar ta’ tfal li m’għandhomx

Aġġornat 07:34 PM

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ħabbar li t-tfal li m’għandhomx internet fid-dar tagħhom u li mhux qed ikunu jistgħu jisimgħu l-lezzjonijiet online se jkun qed jitħallsilhom l-internet fid-dar tagħhom għal sena sħiħa.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Bonnici u s-Segretarju Permanenti Frank Fabri, il-Gvern ħabbar li se jkun qed jinstalla l-internet f’madwar 250 dar. Ġie spjegat li l-kuntratt li se jingħataw dawn id-djar huwa wieħed ta’ sena u l-iskema se tiswa madwar €40,000.

Studenti li qed jaffaċċjaw problemi soċjo-ekonomiċi bħal li jkunu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema. L-għan warajha huwa li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-edukazzjoni ta’ dawn l-istudenti. Din se tkun parti minn dik magħrufa bħala Skema Disgħa, fejn dawn l-istudenti jingħataw lunch b’xejn kuljum u jirċievu wkoll grant biex jixtru stationary u uniformijiet. Huma jingħataw ukoll fotokopji b’xejn.

Il-gvern se jkun qed jibgħat ukoll laptops u kompjuters lil dawk li m’għandhomx aċċess.

Wara li l-ewwel ftit każijiet ġew rappurtati lokalment, xi skejjel kienu għalqu l-bibien tagħhom għal ġimgħa. Il-gvern kien imbagħad ħabbar li l-iskejjel għandhom jagħlqu sakemm joħorġu ordnijiet ġodda. Għall-ewwel l-iskejjel kellhom jiftħu wara l-vaganzi tal-Għid il-Kbir, iżda l-għeluq tal-iskejjel ġie estiż sat-tmiem tas-sena skolastiak kurrenti.

Minkejja dan, diversi lezzjonijiet tkomplew isiru online.

Il-Ministru Bonnici spjega li f’dan iż-żmien, l-istudenti li jaqgħu taħt din l-iskema saħansitra baqgħu jirċievu l-ikla b’xejn li kienu jirċievu fl-iskejjel.

Bonnici appella lin-negozji u individwi li għandhom laptops jew kompjuters żejda u li mhux qed jintużaw sabiex isellfuhom lil studenti li jaf ikollhom bżonnhom f’dan il-perjodu.

Newsbook.com.mt kien staqsa lill-Ministeru x’kien qed isir biex jiġi assigurat li l-istudenti li m’għandhomx aċċess għall-internet jew kompjuter fid-djar tagħhom ma jitilfux il-lezzjonijiet. Dan minħabba li bħalissa, il-lezzjonijiet qed isiru online hekk kif l-iskejjel ingħalqu minħabba l-firxa tal-coronavirus f’Malta. Il-Ministeru kien qal li kien qed jipprintja pakketti ta’ riżorsi u jwassalhom direttament lil dawn it-tfal.

L-istituzzjonijiet edukattivi kollha ngħalqu sat-tmiem tas-sena skolastika. Il-lezzjonijiet qed isiru online jew permezz ta’ metodi alternattivi ta’ assessjar.

Azzjoni proattiva mill-Ministru Bonnici Kummissarju għall-Edukazzjoni

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fi stqarrija qal li l-Ministru Bonnici jistħoqqlu kull tifħir għall-inizjattiva tiegħu biex jassigura li l-istudenti għandhom l-aċċess biex isegwu l-lezzjonijiet online.

Żied jgħid li f’mumenti bħal dawn, dawk inqas privileġġati jsofru iktar, u l-azzjoni proattiva mill-Ministru huwa ta’ ispirazzjoni. Appella biex min hu f’pożizzjoni li jgħin lill-Ministru bit-tagħmir jagħti daqqa t’id.