Filmat: 9 każi ġodda: 3 trażmessi lokalment

Aġġornat 09:08 AM

Read in English.

LIVE: Konferenza dwar l-aħħar żviluppi tal-coronavirus f'Malta

Posted by Newsbook.com.mt on Monday, March 16, 2020

Il-Prof. Charmaine Gauci qalet li f’Malta nstabu 9 każi ġodda ta’ coronavirus f’Malta. Tliet każijiet minnhom ġew trażmessi lokalment. Sitta minnhom ġew impurtati.

Gauci qalet li t-tliet każijiet kienu “contained.” Skont Gauci, it-tliet pazjenti li laqqtu l-virus bi trażmissjoni lokali ġew f’kuntatt ma’ persuni li l-awtoritajiet diġà kienu jafu bihom. Dan ifisser li Malta s’issa kellha 30 każ pożittiv tal-virus.

Gauci qalet li l-isptar Mater Dei ma ġiex kompromess . Gauci qalet li waħda mill-pażjenti l-ġodda tal-coronavirus toqgħod Għawdex imma laqqtet il-virus minn Malta. Din il-pazjenta ttieħdet lejn Malta.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet qalet li l-professjonisti tas-saħħa li laqqtu l-virus ġew infettati meta kienu barra minn Malta. Spjegat li ma kienx hemm projbizzjoni fuq l-ivjaġġar meta dawn siefru.

Gauci qalet li l-pazjenti kollha tal-COVID-19 f’Malta jinsabu f’kundizzjoni stabbli ħafna. Qalet li lanqas kellhom bżonn kura fl-isptar. Madanakollu inżammew fl-isptar jew f’ċentru ieħor biex ikunu iżolati minn nies oħra.

Gauci qalet ukoll li studenti tal-mediċina li waslu biex jiggradwaw se jintalbu jgħinu fejn ikun meħtieġ. Hemm ukoll studenti oħra li diġà qed jgħinu fil-helpline tal-111.

Min qed jiġi ttestjat għall-virus?

Prof. Gauci qalet li matul iż-żmien l-awtoritajiet qed iwessgħu d-definizzjoni tal-case definition tagħhom. Qalet li issa l-pajjiżi kollha għandhom każijiet tal-virus. Spjegat li l-awtoritajiet qed janalizzaw kull każ u jevalwaw x’kien ir-riskju ta’ trażmissjoni skont fejn ikunu qegħdin barra.

Spjegat li qed isir random sampling ta’ nies li ma jkunux siefru.

X’qalu l-awtoritajiet dwar id-9 każi l-ġodda?

Każ minhom huwa ta’ mara Maltija ta’ 56 sena li siefret lejn l-Ingilterra bejn il-5 u t-13 ta’ Marzu. Fil-15 ta’ Marzu kellha d-deni, s-sogħla u uġigħ ta’ ras. Hi ma taħdimx. Tgħix mar-raġel tagħha li m’għandux sintomi imma qiegħed fi kwarantina.

Każ ieħor huwa ta’ raġel Malti ta’ 34 sena. Dan mar fuq btala ma’ persuni oħra li siefru lejn Barċellona. Instab permezz tal-contact tracing. Kien imsiefer bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Fl-14 ta’ Marzu kellu sintomi ta’ sogħla u deni ħafif. Jaħdem ma’ kumpanija privata u mar għax-xogħol. Qed isir contact tracing biex jiġi evalwat ir-riskju għall-kollegi tiegħu.

Każ ieħor huwa ta’ żagħżugħ ta’ 15-il sena li huwa minn Spanja. Kien sejjer lura lejn pajjiżu meta ħassu ma jiflaħx waqt li kien fl-ajruport. Kien qieħged Malta ma’ tliet iħbieb oħra. Saru t-testijiet fuqhom u instab li wieħed mill-grupp kien pożittiv għall-COVID-19. Ta’ 15-il sena se jinżamm f’iżolament u t-tlieta l-oħra se jinżammu fi kwarantina.

Każ ieħor huwa ta’ Taljana ta’ 49 sena li tgħix Malta. Din ma sifritx imma kellha kuntatt fil-qrib mar-raġel tagħha. Ir-raġel kien siefer lejn Ruma u Montenegro. Fit-13 ta’ Marzu l-mara żviluppat sintomi ta’ uġigħ ta’ ras u deni. L-awtoritajiet jaħsbu li setgħet ittieħdet minn ċertu sintomi li kellu r-raġel tagħha. It-tnejn qegħdin fi kwarantina. Ir-raġel ma marx għax-xogħol.

Hemm ukoll Ingliż ta’ 32 sena li jgħix Malta. Ġie lura mill-Ingilterra fit-13 ta’ Marzu u l-għada żviluppawlu s-sintomi. Hu kien qiegħed fi kwarantina. Il-mara tiegħu ma kellha l-ebda sintomi imma qed tinżamm fi kwarantina. Qed isir contact tracing tal-persuni li kienu viċin tiegħu fuq l-ajruplan.

Hemm ukoll żagħżugħ Malti ta’ 19-il sena li marad wara li siefer lejn Dublin. Kien imsiefer ma’ grupp li fih kien hemm xi ħaddieħor li marad bil-coronavirus. Kienu msefrin bejn il-5 u l-10 ta’ Marzu. Dan iż-żagħżugħ instab permezz ta’ contact tracing. Ma marx l-univeristà però mar ix-xogħol. Qed isir contact tracing għall-kollegi tiegħu.

Kien hemm ukoll każijiet ta’ trażmissjoni lokali. Prof. Gauci spjegat li kien hemm professjonista fil-qasam tas-saħħa li kienet imsiefra u mardet bil-coronavirus. Mill-contact tracing li sar, ġew identifikati żewġ professjonisti oħra tas-saħħa li jaħdmu fil-qtib mal-persuna li siefret. Dawn tpoġġew fi kwarantina. Wara ħarġulhom is-sintomi u nstabu pożittivi għall-virus.

Minn dawn wieħed minnhom għandu 36 sena u kellu s-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hu mar għax-xogħol, però kellu kuntatt minimu mal-pazjenti.

Kien hemm ukoll healthcare worker ta’ 23 sena. Ħarġulha s-sintomi fit-13 ta’ Marzu. Kienet fi kwarantina. Beda contact tracing biex jaraw jekk setgħux ġewx esposti aktar nies għall-virus. Din ukoll kellha kuntatt minimu mal-pazjenti.

It-tielet każ ta’ trażmissjoni lokali jinvolvi professjonist tas-saħħa wkoll. Il-persuna ppreżentat bis-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hi ma kinitx imsiefra. L-awtoritajiet jemmnu li din il-persuna seta’ kellha żewġ sorsi ta’ infezzjoni. Din il-persuna tgħix ma’ xi ħadd Taljan li kien imsiefer l-Italja. Kellha wkoll kuntatt ma’ healthcare worker ieħor li nstab pożittiv għall-virus. L-awtoritajiet qalu li l-kollegi tagħha ġew esklużi mill-post tax-xogħol bħala prekawzjoni.

Vjaġġ apposta tal-Gozo Channel – Ministeru għal Għawdex

Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex qal li nstabet persuna Għawdxija li taħdem Malta, “li kienet infettata bil-COVID-19”.

“Kif ilu jintqal mill-bidu, u skont il-pjanijiet kollha li ġew imfassla minn qabel, din il-pażjenta ttieħdet l-isptar Malta f’ambulanza fi vjaġġ tal-Gozo Channel li sar apposta għal eventwalità bħal din.”

“Il-Ministeru għal Għawdex itenni li f’dan il-każ u ta’ kuljum se jibqgħu jittieħdu l-prewkazzjonijiet kollha li hemm bżonn li jittieħdu.”

Każijiet ta’ Coronavirus f’Malta

7 ta Marzu: L-ewwel każ: Tifla Taljana ta’ 12-il sena li tgħix Malta. Hi kienet mal-familja tagħha f’Ruma

7 ta’ Marzu: It-tieni u t-tielet każ: Il-ġenituri tat-tifla (l-ewwel każ) ġew ukoll ikkonfermati pożittivi għall-coronavirus

9 ta’ Marzu: Ir-raba’ każ: Raġel Norveġiż residenti Malta. Kien għall-btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja

10 ta’ Marzu: Il-ħames każ: Bint in-Norveġiż tinstab pożittiva wkoll għal COVID-19

11 ta’ Marzu: Is-sitt każ: Tabib Malti jirriżulta pożittiv. Kien fuq btala fid-Dolimiti

11 ta’ Marzu: Is-seba’ każ: Mara kkonfermata pożittiva. Kienet fuq btala mat-tabib Malti (sitt każ)

12 ta’ Marzu: It-tmien u d-disa’ każ: Raġel ta’ 29 sena, barrani li jgħix u jaħdem Malta. Mar il-Belġju u ġie lura fit-8 ta’ Marzu. Mara ta’ 26 sena, barranija wkoll li siefret lejn Berlin u ġiet lura Malta minn Amsterdam fl-10 ta’ Marzu

13 ta’ Marzu:  Jitħabbru 4 każijiet:

L-10 każ: Malti ta’ 45 sena li ġie lura minn Munich fis-7 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fil-11 ta’ Marzu: qtugħ ta’ nifs u deni.

Il-11-il każ: Taljan ta’ 40 sena li jgħix u jaħdem Malta. Mar Pariġi fid-29 ta’ Frar u ġie lura fis-6 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ Marzu.

It-12-il każ: Mara ta’ 30 sena li hi care worker fis-settur tas-saħħa. Mhix infermiera. Hija marret Brussell fil-5 ta’ Marzu u ġiet lura fid-9 ta’ Marzu. Daħlet għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu.  

It-13-il każ: It-tfajla Maltija ta’ 19-il sena vvjaġġat lejn Brussell bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu. It-tfajla ħasset l-ewwel sintomi tagħha, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu.

14 ta’ Marzu: Jitħabbru 5 każijiet:

L-14-il każ: Russu li ġie lura Malta mir-Russja fl-4 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fil-11 ta’ Marzu. Hu jgħix ma’ persuna oħra.

Il-15-il każ: Malti ta’ 33 sena kien Dublin bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fid-9 ta’ Marzu.

Is-16-il każ: Malti ieħor mar Barċellona, bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Għamel kwarantina f’daru u ħarġulu s-sintomi ftit tal-jiem wara.

Is-17 u t-18-il każ: Koppja barranija li jgħixu flimkien: Persuna minn Hong Kong u oħra mill-Italja. Kienu msefrin Madrid mis-7 sal-10 ta’ Marzu. It-tnejn jaħdmu ma’ kumpanija privata.

15 ta’ Marzu: Jitħabbru 3 każijiet: 

Id-19-il każ: Malti ta’ 23 sena li huwa healthcare worker. Mar Dublin is-7 u l-10 Marzu, fil-11 ta’ Marzu beda bis-sintomi. 

L-20 każ: Student Malti ta’ 20 sena li wkoll mar Dublin fl-Irlanda u ġie lura fl-istess titjira. Mar fl-lecture fl-Università.  

Il-21 każ: Portugiż ta’ 21 sena li kien f’Madrid u ġie Malta biex jaħdem. Ġie fl-10 ta’ Marzu flimkien mat-tfajla tiegħu u fit-13 ta’ Marzu bdew is-sintomi. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn