Filmat: 8 każijiet oħra ta’ coronavirus fosthom tifel ta’ 3 snin

Read in English.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci ħabbret matul il-lejl ġew ikkonfermati 8 każijiet oħra. Fosthom hemm tifel ta’ 3 snin. Erba’ minnhom huma trażmissjonijiet lokali.

Punti ewlenin

  • 8 każi ġodda: 4 minnhom trażmissjonijiet lokali
  • Tifel Malti ta’ 3 snin fost il-każi li tħabbru llum
  • Każ ieħor hemm ċans li oriġina minn gym
  • S’issa saru 939 swab tests u 701 swabs fl-Isptar Mater Dei

Dan qalitu hi u tindirizza lill-midja f’konferenza tal-aħbarijiet oħra dwar l-aħħar żviluppi tal-coronavirus.

  • L-ewwel każ huwa tifel ta’ tliet snin Malti li kien f’kuntatt ma’ wieħed mill-persuni li huma infettati bħalissa. Qalet li hu ħass is-sintomi fil-15 ta’ Marzu.
  • Każ ieħor huwa ta’ familja Taljana li jgħixu Malta. Il-missier kien pożittiv u issa instabu pożittivi wkoll kemm l-omm u anke t-tifel ta’ 15-il sena li irriżulta pożittiv. Dr Gauci spjegat li l-familja kienet fi kwarantina immedjata.
  • Ilbieraħ tard filgħaxija kien hemm każ ieħor ta’ Ingliża ta’ 29 sena tgħix Malta. Hi ma kinitx siefret Malta, imma fil-5 ta’ Marzu daħlet fl-Isptar Mater Dei minħabba ksur. Fit-13 ta’ Marzu ħarġu li kellha problemi respiratorji. Il-Prof Gauci qalet li bdew testijiet immedjati biex isibu minn fejn sar il-kuntatt għal dan il-virus. Il-pazjenta ġiet trasferita b’mod immedjat fl-IDU unit. Saru testijiet fuq il-pazjenta l-oħra li kienet qed taqsam il-kamra magħha. Is-sala ingħalqet u se tibqa’ magħluqa sakemm isiru t-testijiet neċessarji. L-istaff li kellhom kuntatt mal-pazjenta ħarġu fuq kwarantina. Jidher li kien hemm kuntatt żgħir ħafna ma’ healthcare worker li kien pożittiv. Il-kuntatt li kellu kien iqsar minn 15-il minuta, li huwa l-ħin minimu li wieħed irid ikun f’kuntatt ma’ persuna pożittiva.
  • Mara oħra Maltija ta’ 26 sena. Marret l-Ingilterra u ġiet lura fit-13 ta’ Marzu. Hi baqgħet fi kwarantina, u fl-14 ta’ Marzu bdiet tħoss is-sintomi.
  • Malti ta’ 28 sena. Hu ma kienx imsiefer imma l-post fejn jaħdem hemm nies oħrajn li kienu msifrin. Sibna li kellu kuntatt ma’ persuna li kienet Sqallija, imma dan ma kellu l-ebda sintomi. Dan ma kienx qed imur għax-xogħol għax is-sintomi ħarġu fil-15 ta’ Marzu.
  • Raġel ta’ 62 sena li ġie mill-Ingilterra fuq l-istess titjira tal-persuna l-oħra. Is-sintomi ħarġu fil-15 ta’ Marzu.
  • Raġel ta’ 52 sena li huwa Malti. Hu ma sifirx u ma kellux kuntatti ma’ nies li siefru u kienu sintomatiċi. Hu jaħdem f’kumpania privata u hemm contact tracing tal-kumpanija. Il-Prof. Gauci qalet li f’dan il-każ għadhom ma jafux minn fejn seta’ marad. Jidher li hu kien attenda gym u jista’ jkun sar il-kuntatt ma’ persuna oħra hemmhekk.

Il-Professur sostniet li l-iswabs dejjem qed jiżdiedu u b’hekk, aktar kemm jiżdiedu, aktar se jinstabu każi. Qalet 701 swabs saru fl-Isptar Mater Dei, kollha ħarġu negattivi ħlief il-persuna li ssemmiet qabel.

Il-Professur Gauci għamlet enfasi għat-teleworking u fuq l-anzjani sabiex ma joħorġux għax huma l-aktar vulnerabbli. Irreferiet għal post fuq il-midja soċjali dwar każ partikolari li mar vaganza ma’ sħabu u ġie lura. Mit-testijiet spjegat li s-sintomi kienu ħarġu fl-14 ta’ Marzu. Hu kien mar l-Università fil-11 u t-12 ta’ Marzu, qalet li b’hekk ma kienx hemm bżonn li jsiru testijiet fuq in-nies li kien magħhom l-Università. Qalet li dan sar skont il-protokoll.

Il-ġurnalisti jistaqsu…

Mistoqsija jekk kienx hemm iktar persuni li fiequ, jidher li sa issa ħlief għal dawk iż-żewġ persuni li tħabbru qabel, il-bqija għadhom qed jirriżultaw pożittivi. Dan jinkludi l-ewwel persuna li rriżultat pożittiva f’Malta, it-tifla Taljana ta’ 12-il sena.

Il-Professur talbet għal dawk kollha li huma vulnerabbli, inkluż nisa tqal, sabiex jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex ma jkollhomx kuntatti. Mistoqsija dwar is-supermarkets, il-Professur appellat lill-pubbliku biex ma jmorrux bil-massa jixtru. Intant spjegat li l-professjonisti taw ukoll il-pariri tagħhom lis-sidien tas-supermarkets biex jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.

Mistoqsija dwar miżuri b’rabta ma’ Għawdex, il-Professur sostniet li Malta u Għawdex huma meqjusa l-istess u indaqs. Qalet li t-testijiet se jibqgħu jsiru. Qalet li hemm ukoll postijiet tax-xogħol li qed jagħmlu testijiet għad-deni.

Il-Professur spjegat li malli l-pazjenti jibdew jintbagħtu d-dar, se jkollhom kuntatt ma’ tabib, permezz ta’ telefonati.

Hi appellat sabiex kulħadd jevita kuntatt ma’ persuni oħrajn sakemm mhux għax verament hemm bżonn.

Xi ntqal ilbieraħ?

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ tħabbru disa’ każi ġodda fil-pajjiż, bi tlieta minnhom ikunu każi trażmessi lokalment.

Ftit tas-sigħat wara din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela ordna l-għeluq tar-restorants u bars kollha lokali ħlief għal servizzi ta’ take-away, kif ukoll postijiet bħal ċinemas. Intant, il-multa għal dawk kollha li jiksru l-kwarantina mandatorja telgħet għal €3,000.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li kull persuna li qed tidħol fil-binja fejn qed issir il-konferenza qed jgħaddu minn screening għall-coronavirus. Intant, is-siġġijiet tqassmu b’tali mod li ma jkunux qed imissu ma’ xulxin.

Każijiet ta’ Coronavirus f’Malta

7 ta Marzu: L-ewwel każ: Tifla Taljana ta’ 12-il sena li tgħix Malta. Hi kienet mal-familja tagħha f’Ruma

7 ta’ Marzu: It-tieni u t-tielet każ: Il-ġenituri tat-tifla (l-ewwel każ) ġew ukoll ikkonfermati pożittivi għall-coronavirus

9 ta’ Marzu: Ir-raba’ każ: Raġel Norveġiż residenti Malta. Kien għall-btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja

10 ta’ Marzu: Il-ħames każ: Bint in-Norveġiż tinstab pożittiva wkoll għal COVID-19

11 ta’ Marzu: Is-sitt każ: Tabib Malti jirriżulta pożittiv. Kien fuq btala fid-Dolimiti

11 ta’ Marzu: Is-seba’ każ: Mara kkonfermata pożittiva. Kienet fuq btala mat-tabib Malti (sitt każ)

12 ta’ Marzu: It-tmien u d-disa’ każ: Raġel ta’ 29 sena, barrani li jgħix u jaħdem Malta. Mar il-Belġju u ġie lura fit-8 ta’ Marzu. Mara ta’ 26 sena, barranija wkoll li siefret lejn Berlin u ġiet lura Malta minn Amsterdam fl-10 ta’ Marzu

13 ta’ Marzu:  Jitħabbru 4 każijiet:

L-10 każ: Malti ta’ 45 sena li ġie lura minn Munich fis-7 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fil-11 ta’ Marzu: qtugħ ta’ nifs u deni.

Il-11-il każ: Taljan ta’ 40 sena li jgħix u jaħdem Malta. Mar Pariġi fid-29 ta’ Frar u ġie lura fis-6 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ Marzu.

It-12-il każ: Mara ta’ 30 sena li hi care worker fis-settur tas-saħħa. Mhix infermiera. Hija marret Brussell fil-5 ta’ Marzu u ġiet lura fid-9 ta’ Marzu. Daħlet għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu.  

It-13-il każ: It-tfajla Maltija ta’ 19-il sena vvjaġġat lejn Brussell bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu. It-tfajla ħasset l-ewwel sintomi tagħha, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu.

14 ta’ Marzu: Jitħabbru 5 każijiet:

L-14-il każ: Russu li ġie lura Malta mir-Russja fl-4 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fil-11 ta’ Marzu. Hu jgħix ma’ persuna oħra.

Il-15-il każ: Malti ta’ 33 sena kien Dublin bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fid-9 ta’ Marzu.

Is-16-il każ: Malti ieħor mar Barċellona, bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Għamel kwarantina f’daru u ħarġulu s-sintomi ftit tal-jiem wara.

Is-17 u t-18-il każ: Koppja barranija li jgħixu flimkien: Persuna minn Hong Kong u oħra mill-Italja. Kienu msefrin Madrid mis-7 sal-10 ta’ Marzu. It-tnejn jaħdmu ma’ kumpanija privata.

15 ta’ Marzu: Jitħabbru 3 każijiet: 

Id-19-il każ: Malti ta’ 23 sena li huwa healthcare worker. Mar Dublin is-7 u l-10 Marzu, fil-11 ta’ Marzu beda bis-sintomi. 

L-20 każ: Student Malti ta’ 20 sena li wkoll mar Dublin fl-Irlanda u ġie lura fl-istess titjira. Mar fl-lecture fl-Università.  

Il-21 każ: Portugiż ta’ 21 sena li kien f’Madrid u ġie Malta biex jaħdem. Ġie fl-10 ta’ Marzu flimkien mat-tfajla tiegħu u fit-13 ta’ Marzu bdew is-sintomi. 

16 ta’ Marzu: jitħabbru 9 każijiet:

It-22 każ: Maltija ta’ 56 sena li siefret lejn l-Ingilterra bejn il-5 u t-13 ta’ Marzu. Fil-15 ta’ Marzu kellha d-deni, s-sogħla u uġigħ ta’ ras. Hi ma taħdimx.

It-23 każ: Malti ta’ 34 sena. Dan mar fuq btala ma’ persuni oħra li siefru lejn Barċellona. Kien imsiefer bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Fl-14 ta’ Marzu kellu sintomi ta’ sogħla u deni ħafif.

L-24 każ: Spanjol ta’ 15-il sena. Kien sejjer lura lejn pajjiżu meta ħassu ma jiflaħx waqt li kien fl-ajruport.

Il-25 każ: Taljana ta’ 49 sena li tgħix Malta. Din ma sifritx imma kellha kuntatt fil-qrib mar-raġel tagħha. Ir-raġel kien siefer lejn Ruma u Montenegro.

Is-26 każ: Ingliż ta’ 32 sena li jgħix Malta. Ġie lura mill-Ingilterra fit-13 ta’ Marzu u l-għada żviluppawlu s-sintomi.

Is-27 każ: Malti ta’ 19-il sena li marad wara li siefer lejn Dublin. Kien imsiefer ma’ grupp li fih kien hemm xi ħaddieħor li marad bil-coronavirus. Kienu msefrin bejn il-5 u l-10 ta’ Marzu.

It-28 każ: Professjonist tas-Saħħa ta’ 36 sena. Kellu s-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hu mar għax-xogħol, però kellu kuntatt minimu mal-pazjenti.

Id-29 każ: Healthcare worker ta’ 23 sena. Ħarġulha s-sintomi fit-13 ta’ Marzu. Kienet fi kwarantina.

It-30 każ: Professjonist tas-saħħa ħasset is-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hi ma kinitx imsiefra. L-awtoritajiet jemmnu li din il-persuna seta’ kellha żewġ sorsi ta’ infezzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn