Filmat: 6 każi ġodda; fosthom tarbija ta’ xahar

Read in English.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci ħabbret lbieraħ żdiedu aktar it-testijiet, u fosthom instabu sitta pożittibi b’wieħed mill-każi impurtati. Issa fil-pajjiż hawn total ta’ 299 persuna li nstabet pożittiva.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dalgħodu qal li matul il-jum tal-bieraħ saru 993 swab test. Dan wara li lbieraħ ġie rreġistrat l-akbar għadd ta’ każi ġodda fil-pajjiż, dak ta’ 52 każ.

Fost il-każi hemm

  • Malti ta’ 63 sena. Jinsab fi stat kliniku tajjeb. Kellu griżmejh juġugħ fl-4 ta’ April u ħareġ li huwa pożittiv. Ir-raġel huwa pensjonant.
  • Mara Maltija ta’ 47 sena li kellha uġigħ fil-widnejn u uġigħ fil-ġogi fis-6 ta’ April, għamlet it-test u ħareġ li hu pożittiv. Qed isir contact tracing tal-membri tal-familja tagħha.
  • Healtchare worker ta’ 56 sena Malti. Kellu s-sintomi fis-6 ta’ April. Kellu mnieħru imblukkat u b’hekk sarulu t-testijiet. Bħalissa għaddejjin bil-contact tracing tal-kollegi li kellu miegħu pero ma jidhirx li kellu kuntatti ma’ pazjenti.
  • Mara Maltija ta’ 57 sena u nstabet pożittiva waqt testijiet ta’ rutina qabel ma ssir operazzjoni. Din il-persuna l-aħħar li marret xogħol kien lejn nofs Marzu u b’hekk m’hemmx riskju. Qalet li din ma kellhiex sintomi.
  • Tarbija ta’ xahar li kien l-isptar. Beda bis-sintomi ta’ sogħla u qtugħ ta’ nifs fis-7 ta’ April. Sarulu testijiet u għaddejjin bil-contact tracing kemm tal-membri tal-familja kif ukoll tal-istaff. Trabi oħrajn fl-istess sala ma ġewx infettati.
  • Raġel Malti ta’ 52 sena li kellu diarrhea u nuqqas ta’ togħma fil-5 ta’ April. Hu kien imsiefer u ġie lura mill-Ingilterra fit-2 ta’ April.

Il-Professur qalet li huwa vera li n-numru żgħir, ikkumparat ma’ dak tal-bieraħ, iżda dan ma jfissirx li r-riskju qed jonqos. Spjegat li biex ir-riżultati joħorġu malajr kemm jista’ jkun, dawk il-persuni li jagħtu n-numru tal-mowbajl tagħhom jistgħu jirċievu r-riżultat negattiv permezz ta’ SMS.

Hi fakkret li meta persuna tagħmel it-test ma toħroġx mid-dar kemm qabel ma tirċievi r-riżultat u anke wara. “Jekk tinstab negattiv, xorta għamel 24 siegħa oħra d-dar wara li tirċievi t-test,” qalet Prof. Gauci.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Dwar sitwazzjoni fejn tfal ikollhom żewġ familji, Prof Gauci qalet li jgħarfu li t-tfal irid ikollhom kuntatt maż-żewġ ġenituri. Qalet li l-aktar ħaġa importanti huwa li t-tfal ma jkollhomx kuntatti ma’ persuni barra mill-familja.

Mistoqsija dwar persuni li qed jinstabu pożittivi mingħajr ma jkollhom sintomi, Prof. Gauci qalet li hija xi ħaġa inkwetanti min-naħa ta’ saħħa pubblika. Qalet li dan ifisser li hemm inqas ċans li wieħed jaqbad dawn il-każi fil-bidu tagħhom.

Dwar it-tarbija, il-Professur Gauci qalet li t-test fuq it-tarbija li kienet fl-isptar sar wara li dan żviluppa qtugħ ta’ nifs. Qalet li minkejja li qed jippruvaw jikkontrollaw it-trażmissjoni fl-isptar, sfortunatament ikun hemm kuntatt.

Mistqosija minn Newsbook.com.mt dwar jekk hemmx persuni li qed jibżgħu jmorru l-isptar u jirriskjaw li jmutu minħabba kundizzjonijiet oħrajn apparti l-coronavirus. Il-Professur Gauci sostniet li kull min għandu appuntamenti u affarijiet oħrajn ta’ rutina minħabba kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri għandhom jibqgħu jieħdu ħsieb saħħithom. Qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jieħdu kemm jista’ jkun prekawzjonijiet sabiex ħadd minn dawn il-persuni ma jitpoġġew f’riskju.

Mistoqsija dwar jekk hemmx ħsieb li l-għadd ta’ immigranti li hemm f’Ħal Far jiġu rilokati minħabba li hemm għadd kbir ta’ nies f’post wieħed. Il-Professur qalet li dawn il-persuni qed jingħataw kemm jista’ jkun informazzjoni dwar x’għandhom jagħmlu. Intant, qalet li persuni li juru li għandhom sintomi qed jiġu iżolati. Semmiet li r-Red Cross għandhom faċilità anke ta’ kwarantina.

Dwar pazjenti fl-Isptar Mater Dei li jirriżultaw pożittivi, qalet li qed isir screening tal-pazjenti b’mod immedjat biex wieħed jara għandhomx sintomi. Qalet li jekk jinstabu pazjenti fl-isptar li għandhom dawn is-sintomi u huma pożittivi, wieħed irid jiftakar li l-viżitaturi li jiġu jarawhom u l-healthcare workers qiegħdin fil-komunità. Qalet li kien hemm healthcare workers li ħarġu pożittivi, u meta jiġri hekk l-aktar ħaġa importanti li jiċċekkjaw ma’ min kellhom kuntatt dawn il-persuni.

Mistoqsija dwar il-projections, Prof Gauci qalet li dawn jiddependu ħafna fuq l-R-Factor. Qalet li dan jiddependi ħafna fuq kemm wieħed ikollu kuntatt ma’ persuni oħrajn. Qalet li iżjed ma jikber l-R-Factor, se jkun hemm iktar ċans li jimirdu ħafna aktar persuni.