Filmat: 10 każi oħra ta’ coronavirus: żewġ anzjani

Read in English.

LIVE: Konferenza dwar l-aħħar żviluppi tal-coronavirusAktar dettalji: https://newsbook.com.mt/live-konferenza-dwar-l-ahhar-zviluppi-tal-coronavirus-2/

Posted by Newsbook.com.mt on Wednesday, March 18, 2020

Il-punti ewlenin:

  • 10 każi ġodda: l-ewwel 2 anzjani
  • Uħud impurtati, oħrajn trażmessi lokalment
  • Żewġ persuni li sarilhom it-test u mietu ma kinux pożittivi għall-COVID-19
  • Saru b’kollox 1,799 swab tests
  • Il-virus jittieħed anke minn sintomi ħfief

Is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci ħabbret li fl-aħħar sigħat ġew ikkonfermati 10 każijiet oħra ta’ coronavirus f’Malta. B’hekk it-total ta’ każi f’Malta issa tela’ għal 48.

L-10 każi:

  • Malti ta’ 70 sena.  Beda bis-sintomi fid-9 ta’ Marzu – griżmejh juġgħuh, sogħla u deni. Jinsab fi stat ta’ saħħa tajba.  Sa issa ma nstabx minn fejn ħa l-infezzjoni. Ma kienx imsiefer barra.
  • Żewġ nisa: 26 u 27 sena. Kienu btala l-Ġermanja u l-Polonja. Ġew lura fil-11 ta’ Marzu minn Berlin u qagħdu kwarantina. Fid-9 ta’ Marzu ħarġulhom is-sintomi.
  • Koppja Taljana, residenti Malta, it-tnejn ta’ 43 sena. Ma kinux imsefrin, imma kellhom kuntatt ma’ wieħed mill-każi li ħareġ pożittiv, u li kien espost fuq il-post tax-xogħol. Bdew bis-sintomi fit-12 ta’ Marzu.
  • Mara Maltija ta’ 48 sena. Kienet Londra, ġiet lura fis-7 ta’ Marzu. Bdiet bis-sintomi fis-17 ta’ Marzu.
  • Raġel ta’ 57 sena f’sala fl-Isptar Mater Dei u raġel ieħor ta’ 73 sena f’sala oħra fl-isptar instabu pożittivi. Dan wara l-każ ta’ Ingliża li tħabbar ilbieraħ. Is-swali ngħalqu u qed isiru testijiet fuq pazjenti oħra.
  • Malti ta’ 37 sena kellu kuntatt ma’ barrani li ġie lura mill-Ingilterra fl-aħħar jiem.
  • Tfajla ta’ 26 sena, qariba ta’ każ ieħor li tħabbar fil-jiem li għaddew. F’din il-familja hemm 4 persuni infettati.

Prof. Gauci qalet ukoll li issa f’Malta għandna taħlita ta’ każi li ġew impurtati u oħrajn fejn saret trażmissjoni lokali. Hemm każi oħra fejn mhux faċli li jiġi identifikat hux impurtat jew trażmess lokalment. Żiedet tgħid li s’issa saru 1,799 swab test.

Is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika serrħet ras il-pubbliku li żewġ imwiet fl-aħħar sigħat ma kinux relatati mal-COVID-19, u li t-test li sar fuqhom irriżulta fin-negattiv.

Wissiet li l-coronavirus jista’ jittieħed anke minn dawk li jkollhom sintomi ħfief ħafna.

Dwar jekk il-garaxxijiet tal-VRT għandhomx jagħlqu minħabba li l-ħaddiema jridu jidħlu fil-karozza tal-klijent, Prof. Gauci qalet li dawn għandhom iħallu t-twieqi miftuħin u jaħslu jdejhom spiss.

Għat-tħassib dwar il-carers li jmorru jaħslu l-anzjani u jirranġawlhom il-mediċini, hija qalet li dawn m’hemmx bżonn li jilbsu maskra. Dan minkejja li jkunu viċin ħafna tal-anzjani.

Każijiet ta’ Coronavirus f’Malta

7 ta Marzu: L-ewwel każ: Tifla Taljana ta’ 12-il sena li tgħix Malta. Hi kienet mal-familja tagħha f’Ruma

7 ta’ Marzu: It-tieni u t-tielet każ: Il-ġenituri tat-tifla (l-ewwel każ) ġew ukoll ikkonfermati pożittivi għall-coronavirus

9 ta’ Marzu: Ir-raba’ każ: Raġel Norveġiż residenti Malta. Kien għall-btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja

10 ta’ Marzu: Il-ħames każ: Bint in-Norveġiż tinstab pożittiva wkoll għal COVID-19

11 ta’ Marzu: Is-sitt każ: Tabib Malti jirriżulta pożittiv. Kien fuq btala fid-Dolimiti

11 ta’ Marzu: Is-seba’ każ: Mara kkonfermata pożittiva. Kienet fuq btala mat-tabib Malti (sitt każ)

12 ta’ Marzu: It-tmien u d-disa’ każ: Raġel ta’ 29 sena, barrani li jgħix u jaħdem Malta. Mar il-Belġju u ġie lura fit-8 ta’ Marzu. Mara ta’ 26 sena, barranija wkoll li siefret lejn Berlin u ġiet lura Malta minn Amsterdam fl-10 ta’ Marzu

13 ta’ Marzu:  Jitħabbru 4 każijiet:

L-10 każ: Malti ta’ 45 sena li ġie lura minn Munich fis-7 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fil-11 ta’ Marzu: qtugħ ta’ nifs u deni.

Il-11-il każ: Taljan ta’ 40 sena li jgħix u jaħdem Malta. Mar Pariġi fid-29 ta’ Frar u ġie lura fis-6 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ Marzu.

It-12-il każ: Mara ta’ 30 sena li hi care worker fis-settur tas-saħħa. Mhix infermiera. Hija marret Brussell fil-5 ta’ Marzu u ġiet lura fid-9 ta’ Marzu. Daħlet għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu.  

It-13-il każ: It-tfajla Maltija ta’ 19-il sena vvjaġġat lejn Brussell bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu. It-tfajla ħasset l-ewwel sintomi tagħha, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu.

14 ta’ Marzu: Jitħabbru 5 każijiet:

L-14-il każ: Russu li ġie lura Malta mir-Russja fl-4 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fil-11 ta’ Marzu. Hu jgħix ma’ persuna oħra.

Il-15-il każ: Malti ta’ 33 sena kien Dublin bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fid-9 ta’ Marzu.

Is-16-il każ: Malti ieħor mar Barċellona, bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Għamel kwarantina f’daru u ħarġulu s-sintomi ftit tal-jiem wara.

Is-17 u t-18-il każ: Koppja barranija li jgħixu flimkien: Persuna minn Hong Kong u oħra mill-Italja. Kienu msefrin Madrid mis-7 sal-10 ta’ Marzu. It-tnejn jaħdmu ma’ kumpanija privata.

15 ta’ Marzu: Jitħabbru 3 każijiet: 

Id-19-il każ: Malti ta’ 23 sena li huwa healthcare worker. Mar Dublin is-7 u l-10 Marzu, fil-11 ta’ Marzu beda bis-sintomi. 

L-20 każ: Student Malti ta’ 20 sena li wkoll mar Dublin fl-Irlanda u ġie lura fl-istess titjira. Mar fl-lecture fl-Università.  

Il-21 każ: Portugiż ta’ 21 sena li kien f’Madrid u ġie Malta biex jaħdem. Ġie fl-10 ta’ Marzu flimkien mat-tfajla tiegħu u fit-13 ta’ Marzu bdew is-sintomi. 

16 ta’ Marzu: Jitħabbru 9 każijiet:

It-22 każ: Maltija ta’ 56 sena li siefret lejn l-Ingilterra bejn il-5 u t-13 ta’ Marzu. Fil-15 ta’ Marzu kellha d-deni, s-sogħla u uġigħ ta’ ras. Hi ma taħdimx.

It-23 każ: Malti ta’ 34 sena. Dan mar fuq btala ma’ persuni oħra li siefru lejn Barċellona. Kien imsiefer bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Fl-14 ta’ Marzu kellu sintomi ta’ sogħla u deni ħafif.

L-24 każ: Spanjol ta’ 15-il sena. Kien sejjer lura lejn pajjiżu meta ħassu ma jiflaħx waqt li kien fl-ajruport.

Il-25 każ: Taljana ta’ 49 sena li tgħix Malta. Din ma sifritx imma kellha kuntatt fil-qrib mar-raġel tagħha. Ir-raġel kien siefer lejn Ruma u Montenegro.

Is-26 każ: Ingliż ta’ 32 sena li jgħix Malta. Ġie lura mill-Ingilterra fit-13 ta’ Marzu u l-għada żviluppawlu s-sintomi.

Is-27 każ: Malti ta’ 19-il sena li marad wara li siefer lejn Dublin. Kien imsiefer ma’ grupp li fih kien hemm xi ħaddieħor li marad bil-coronavirus. Kienu msefrin bejn il-5 u l-10 ta’ Marzu.

It-28 każ: Professjonist tas-Saħħa ta’ 36 sena. Kellu s-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hu mar għax-xogħol, però kellu kuntatt minimu mal-pazjenti.

Id-29 każ: Healthcare worker ta’ 23 sena. Ħarġulha s-sintomi fit-13 ta’ Marzu. Kienet fi kwarantina.

It-30 każ: Professjonist tas-saħħa ħasset is-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hi ma kinitx imsiefra. L-awtoritajiet jemmnu li din il-persuna seta’ kellha żewġ sorsi ta’ infezzjoni.

Fis-17 ta’ Marzu 2020 jitħabbru 8 każijiet:

Il-31 każ: Tifel Malti ta’ 3 snin. Kien f’kuntatt ma’ wieħed mill-persuni infettati. Ħass is-sintomi fil-15 ta’ Marzu.

It-32 u t-33 każ: Familja Taljana li tgħix Malta. Il-missier kien pożittiv u issa nstabu pożittivi wkoll l-omm u t-tifel ta’ 15-il sena.

L-34 każ: Ingliża ta’ 29 sena li tgħix Malta. Ma kinitx imfsiefra, imma fil-5 ta’ Marzu daħlet l-Isptar Mater Dei bi ksur. Fit-13 ta’ Marzu ħarġulha problemi respiratorji. Jidher kien hemm kuntatt żgħir ma’ healthcare worker li kien pożittiv.

Il-35 każ: Maltija ta’ 26 sena. Ġiet lura mill-Ingilterra fit-13 ta’ Marzu. Fl-14 ta’ Marzu bdiet tħoss is-sintomi.

Is-36 każ: Malti ta’ 28 sena. Ma kienx imsiefer, imma l-post fejn jaħdem hemm nies li kienu msefrin. Kellu kuntatt ma’ persuna li kienet Sqallija. Is-sintomi ħarġu fil-15 ta’ Marzu.

Is-37 każ: Malti ta’ 62 li ġie mill-Ingilterra fuq l-istess titjira tal-35 każ. Is-sintomi ħarġu fil-15 ta’ Marzu.

It-38 każ: Malti ta’ 52 sena. Ma sifirx u ma kellux kuntatti ma’ nies li siefru u kienu sintomatiċi. Hu jaħdem f’kumpanija privata. Possibiltà li laqqat il-virus mill-gym f’kuntatt ma’ persuna oħra hemmhekk.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn