Filmat: 11-il każ ġdid ta’ coronavirus

Read in English.

  • 11-il każ ġdid ta’ coronavirus f’Malta
  • Il-każi ġodda kollha riżultat ta’ trażmissjoni lokali
  • Issa f’Malta hawn 213-il każ tal-coronavirus
  • B’kollox fil-pajjiż saru 9,702 swab test
  • Fost il-pazjenti ġodda hemm immigrant li jgħix fiċ-Ċentru l-Miftuħ f’Ħal Far u healthcare worker
  • Prof. Gauci terġa’ ma tweġibx dwar pazjenti Għawdxin

Coronavirus Malta -04.04.20

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li lbieraħ saru 659 swab test u ħarġu 11-il każ ġdid pożittiv. Kollha ta’ trażmissjoni lokali. B’hekk fil-pajjiż issa hawn 213 każ.

Is-Superintendent qalet ukoll li ġiet dikjarata emerġenza tas-saħħa pubblika. Qalet li s’issa saru total ta’ 9,702 swab tests b’kollox. Il-qagħda klinika tal-pazjenti ġodda hija waħda tajba.

Bħalissa hemm tliet pazjenti l-ITU, bil-qagħda tal-persuna intubat għadha l-istess. Qalet li hemm 10 pazjenti fl-IDU ta’ Mater Dei, tnejn li qiegħdin fil-Psychiatric Unit, erba’ li qiegħdin boffa u 16 fl-Isptar San Tumas.

X’inhuma d-dettalji tal-każi ġodda?

L-ewwel każ huwa ta’ mara Maltija ta’ 74 sena li daħlet l-isptar ilbieraħ b’rabta ma’ xi ħaġa li ma kelliex x’taqsam mal-COVID-19 imma kellha sogħla. B’hekk sarilha t-test u ħarġet pożittiva. Qed tinżamm l-IDU u qed isir contact tracing.

Raġel ta’ 50 sena li beda bis-sintomi ta’ sogħla fil-25 ta’ Marzu. Hu kellu kuntatt ma’ żewġ qraba oħra li wkoll kellhom is-sintomi u bħalissa qed isirilhom it-test.

Malti ta’ 46 sena li wkoll beda bis-sintomi fit-2 ta’ April, deni u wġiegħ fil-muskola. Qed isir contact tracing tal-familja tiegħu.

Tifla ta’ sentejn li bdiet bis-sintomi ta’ deni fit-3 ta’ April. Qed nieħdu ħsieb il-kura tagħha u qed isir contact tracing tal-membri tal-familja tagħha.

Raġel barrani ta’ 26 sena li jgħix fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far. Hu m’għandux kuntatt dirett mal-pazjent tal-bieraħ iżda jgħiz fl-istess żona. Hu ġie iżolat u n-nies li jgħixu fl-istess żona miegħu, ħamsa oħrajn, tpoġġew fi kwarantina. Is-sintomi bdew fit-30 ta’ Marzu bi griżmejh juġgħuh u sogħla.

Mara barranija ta’ 28 sena li ma taħdimx. Din bdiet bis-sintomi fl-1 ta’ April bid-deni u taqtir tal-imnieħer u issa qed isir contact tracing tal-kuntatti tagħha.

Raġel barrani ta’ 24 sena residenti Malta li beda bis-sintomi ta’ sogħla u runny nose fil-24 ta’ Marzu. Qed isir contact tracing tal-persuni li jgħixu miegħu li jammontaw għal sitta u risk assessment fuq il-post tax-xogħol fejn kien il-persuna.

Hemm ukoll raġel healthcare worker ta’ 31 sena. Dan beda bis-sintomi fit-3 ta’ April bid-deni. Il-persuna li jgħix miegħu qiegħed ukoll fi kwarantina. Qed isir contact tracing tal-istaffu l-pazjenti.

Raġel barrani ieħor ta’ 35 sena residenti Malta li beda b’sintomi ta’ riħ fl-1 ta’ April. Hu kien jgħix ma’ tliet barranin oħra li nżammu fi kwarantina. Qed isir ukoll risk assessment fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdem il-persuna.

Raġel Malti ta’ 66 sena li daħħal l-Isptar Mater Dei b’kundizzjoni mhux relatata u dan se jkollu bżonn operazzjoni. Hu ħareġ pożittiv wara testing li sarlu qabel l-operazzjoni. Qed isir cotnact tracing fuq pazjenti u staff li kienu qrib tiegħu.

Mara Maltija ta’ 40 sena li bdiet bis-sintomi fit-28 ta’ Marzu li kellha għajja u wġigħ ta’ ras. Qed isir swabbing tal-membri tal-familja tagħha. Hi ma kinitx qed tmur għax-xogħol. Żewġ membri tal-familja tagħha ħarġu negattivi meta sarilhom l-iswabbing.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Dwar l-emerġenza ta’ saħħa pubblika, Prof Gauci qalet li dawn jagħtu poteri legali bħal kwaratina li jiġu jaqgħu taħt idejn is-Superintendent. Qalet li dawn il-miżuri jkunu qed jittieħdu bħala miżura għas-saħħa pubblika. Qalet li din saret speċifika għal COVID-19 u tapplika għal Malta.

Mistoqsija jekk kienx hemm raġuni għaliex dan l-istat ta’ emerġenza ġie ddikjarat issa u mhux qabel, Prof Gauci qalet li l-ewwel każ li nstab Malta kien erba’ ġimgħat ilu. Qalet li huma raw kif dan kien se jsegwi. Qalet li kien hemm bżonn li tiġi stabbilita sustained transmission u b’hekk ħareġ l-avviż legali. Dan juri biċ-ċar li tmur lura għall-ewwel każ ikkonfermat.

Mistoqsija dwar mudelli li qed joħorġu statistiċi, Prof Gauci qalet li x-xogħol tagħhom huwa li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-r-factor. Qalet li inqas ma jkun dan l-r-factor inqas se jkun hemm riskju.

Mistoqsija dwar persuni li qed jaħdmu f’uffiċji kbar, Prof Gauci qalet li fuq postijiet tax-xogħol qed isiru diversi screenings.

Mistoqsija dwar l-ammont ta’ pazjenti Għawdxin, Prof. Gauci ma weġbitx.

Mistoqsija dwar il-prekawzjonijiet li wieħed jista’ jieħu meta joħroġ għal xirjiet neċessarji, Prof Gauci qalet li l-iktar nies vulnerabbli għandhom jużaw sistemi li diġà huma preżenti. Qalet li fuq il-maskli qed isegwu dak li qed tgħid l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.